Lokali Parlament

Id tal-ħbiberija lill-gvern mill-Oppożizzjoni – se tinnomina membru fil-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet

– Ryan Callus

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li b’sens ta’ rieda tajba l-Oppożizzjoni se tinnomina membru fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet.

Din il-pożizzjoni Ryan Callus ddikjarha meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-diskussjoni dwar l-Awtorità tal-Ippjanar.

Ryan Callus qal li fl-aħħar erba’ snin inkixfu numru ta’ skandli u minkejja l-mandatt, fil-każi ta’ Gaffarena u tal-Cafe Premier il-poplu ma kinx kuntent bihom. Għalhekk hu ttamat li l-gvern issa jagħraf li dawn l-iżbalji m’għandhomx jerġgħu isiru.

Il-Gvern m’għandux il-liċenzja li jagħmel dawn l-iżbalji li saru b’riżultat ta’ indħil politiku. Kaġun tagħhom batew in-nies li jħallsu t-taxxa u ħaddiema fid-Dipartiment tal-Artijiet.

L-Oppożizzjoni tat sehem sħiħ fit-twaqqif tal-Awtorità tal-Artijiet. Hu qal li l-Oppożizzjoni se tinnomina persuna fuq il-Bord tad-Dipartiment tal-Artijiet għax lesta tagħti l-id tal-ħbiberija sinċiera lill-Gvern. Ryan Callus sostna li l-Oppożizzjoni ma nnomitax lill-persuna minħabba l-jnħil politiku li kien hemm.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pubblikazzjoni tal-offerti għandha tkun iktar frekwenti għaliex il-poplu ma jaqrax il-gazzetti regolri. Għalhekk il-gvern għandu jikkunsidra li jżid din il-frekwenza biex tiżdied it-trasparenza.

Dwar ir-rapport tal-Awtorità tal-Artijiet, Ryan Callus qal li danma jinkludx kemm hemm applikazzjonijiet pendenti fid-diversi skemi. Hu semma l-ħlasijiet għall-espropriju u qal li l-gvern għandu jagħtu ċifra.

Il-PN kien għamel wegħda li ssir ġustizzja li jiżdied b’żmod sostanzjali l-allokazzjoni għall-espropriju. Din hi inġustizzja li għadha qed isseħħ u jidher li l-Gvern mhux impenjat biżżejjed dwarha għaliex din mhix prijorità.

Dan għaliex id-dħul tal-Gvern se jkun €38 miljun fl-2017, E41 miljun fl-2018, €44 miljun fl-2019 u €46 miljun fl-2020 waqt l-allokazzjoni għall-espropriju se tkun għall-€7.5 miljuni fl-2017, €7.5 miljuni fl-2018, €13-il miljun fl-2019 waqt li fl-2020 se jitħallsu €13.5 miljuni biss. Hu staqsa kemm hemm miljuni dovuti biex jitħallsu dawk in-nies li magħhom saret inġustizzja.

Ryan Callus appella lill-Gvern biex jimxi bil-meritokrazija u qal li m’hemmx data meta l-files kollha se jkunu diġitliazzati. Dwar l-uffiċjali l-ġodda, Ryan Callus qal li mhux magħruf għaliex għadu qed isir infieq żejjed fil-Berġa tal-Baviera meta l-uffiċji se jiċċaqilqu. Mhux stabbilit meta se ssir din rilokazzjoni li għaliha kienu ivutati €4 miljuni.