Lokali

Il-Partit Laburista għadu ma qalx kemm swiet il-kampanja elettorali tiegħu – PN

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji

Il-Partit Laburista għadu ma qalx kemm swiet il-kampanja elettorali tiegħu, tħallsitx sal-anqas ċenteżmu u minn fejn ġab il-flus għaliha. Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li biex jgħatti xturu, l-Partit Laburista ħareġ sensiela ta’ gideb, ċifri skorretti u allegazzjonijiet li huma ‘il bogħod mill-verità dwar il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija qal li kif diġà spjega, l-pjan ta’ ristrutturar finanzjarju li tnieda fl-2014 għal 15-il sena qed jirnexxi kif pjanat, tant li l-ispiża tal-kampanja elettorali li għaddiet tħallset kollha f’anqas minn xahar. Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija żied jgħid li din hi s-serjetà tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista qal li kuntrarjament għall-Partit Laburista li spiċċa lanqas biss kien irreġistra bħala partit politiku – m’għandux x’jaħbi, tant li jippreżenta r-rendikont finanzjarju tiegħu.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li Joseph Muscat daħħal fil-but mas-€70,000 f’kiri tal-karozza tiegħu lilu nnifsu, ta’ min ifakkar li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ma ħa ebda ċenteżmu mill-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar erba’ snin.