Hekk kif l-Italja għaddejja minn kriżi fl-immigrazzjoni, bi kważi 80,000 immigrant jasal fil-pajjiż ġar tagħha fl-aħħar sigħat, pajjiżna għadu ma rċeviex lanqas immigrant wieħed fl-aħħar snin. Dan wassal biex ġurnali fl-Italja fetħu n-nar lejn pajjiżna, jistaqsu kif dan jista’ jkun.
Fl-aħħar jiem f’pajjiżna kien hawn il-ġurnalist Niccolò Zancan, li f’artikli fuq La Stampa u L’Espresso jikteb li pajjiżna għaddej minn żmien ekonomiku tajjeb, bis-settur tal-kostruzzjoni li qed jiffjorixxi bħal dak tat-turiżmu, iżda pajjiżna sar il-gżira l-iktar fortifikata fil-Mediterran; titlu b’żewġ sinifikati, dak litterali imma wkoll b’tifsira li pajjiżna hu fortifikat ukoll mill-wasliet tal-immigranti.
“Il-belt tal-paċi. Bl-isem ironiku ta’ Paceville fejn issib ġuvintur u tfajliet f’festa permanenti. Binjiet ġodda u ikbar li għadhom qed jinbnew. Il-logħob tan-nar tal-ajru fis-sebgħa ta’ filgħaxija, waqt li għadu ma dalamx. 38 grad Celcius, b’mużika differenti li tolqtok ma’ kull metru. Persuni li jduru u jirriklamaw il-party li jmiss fuq il-bajja ta’ dak li sa għaxar snin ilu kien villaġġ tas-sajjieda. Full open bar jgħajjat kulħadd, waqt li l-Mediterran għaddej mill-iktar xhur drammatiċi tiegħu. 80,000 wasla ta’ immgiranti, 2,000 imutu mgħarrqa, u Malta tgħix l-iktar sena feliċi fl-istorja. L-istess bħall-Iżvizzera fit-Tieni Gwerra Dinjija, qrib ta’ kollox imma affettwata mix-xejn. Il-gżira l-iktar fortifikata tal-Ewropa qatt ma kienet daqsekk sinjura,” jikteb Zancan.
Filwaqt li jitkellem dwar it-titjib tal-ekonomija, iż-żieda fit-turiżmu, it-tnaqqis fil-qgħad u l-kummerċ f’pajjiżna, il-ġurnalist Taljan jirrimarka l-kuntrast tan-nuqqas ta’ wasliet tal-immgiranti f’Malta. Għall-kuntrarju, fl-2005 kienu waslu 4,000. Matul l-2016 pajjiżna kellu 1,500 talba għall-ażil, kważi kollha b’wasliet mill-ajru.
Zancan jitkellem ukoll dwar ir-rabtiet mill-qrib bejn Malta u l-Libja, inkluż dwar l-€10 miljun fi flus tal-familja Gaddafi li għosfru minn Malta.
“Ir-relazzjoni bejn Malta u l-familji Libjani qed dejjem tikber. Ir-relazzjonijiet mal-kosta Afrikana fl-aħħar snin komplew jintensifikaw. Malta saret it-tieni dar għal politiċi, uffiċjali u kummerċjanti Libjani li jagħmlu l-flus fil-Libja, u jinvestuhom fis-sigur f’Malta,” ikompli Zancan, li jsemmi wkoll numru ta’ attivitajiet kummerċjali bejn Malta u l-Libja.
L-istess ġurnalist jattakka wkoll lil Regina u Christopher Catrambone fejn jirrimarka li minkejja li ilhom jaħdmu fil-Mediterran biex isalvaw lill-immigranti abbord il-bastiment Phoenix, reġistrat f’Malta, huma qatt ma ġabu immigrant wieħed lejn Malta.
F’kummenti lill-Kummissjoni Schengen, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Ħidmiet tal-Guardia Costiera tal-Italja, Nicola Carlone, saħansitra qalet li Malta qed tirrifjuta li l-immgiranti jiddaħħlu f’Malta. “Normalment jissottovalutaw il-kundizzjonijiet reali ta’ periklu li jkunu fihom l-immigranti u b’hekk jaħarbu mid-dover li jintervjenu. Jillimitaw biss għall-moniteraġġ sakemm id-dgħajjes bl-immigranti joħorġu miż-żona ta’ Malta.”
“Fl-2018 Malta se jkollha t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea. Meta tħares lejha minn Paceville tidher bħal luna park kbir quddiem il-baħar, fejn il-liġi tas-solidarjetà hi projbita,” jikkonkludi fir-rimarki tiegħu Nicolò Zancan.
//= $special ?>

