Mil-lum, se jkun qed jibda jixxandar il-programm sportiv sajfi ta’ Net Television, Man Up+. Dan il-programm hu fost l-aktar programmi sportivi popolari fuq it-televiżjoni u matul ix-xhur sħan tas-sajf jagħti ħarsa dettaljata lejn dak kollu li jkun qed iseħħ fil-kamp tal-waterpolo domestiku, b’enfasi dettaljata lejn il-Kampjonat Premier kif ukoll il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.
Din se tkun is-17-il sena ta’ Man Up+ fuq Net Television, u din is-sena l-ġurnalist sportiv Christian Micallef se jkun qed jerġa’ jipproduċi u jippreżenta dan il-programm. Man Up+ se jkun qed jixxandar fid-9:30pm, b’ripetizzjoni kull nhar ta’ Tlieta fil-11:30pm. Il-kontenut tal-programm jibqa’ wieħed mexxej, b’servizzi interessanti li mhux biss iwasslu dak kollu li jkun qed iseħħ fil-Kampjonati rispettivi iżda anke servizzi oħra informattivi dwar plejers żgħażagħ li qed jippromettu għall-futur tal-waterpolo Malti.
Fl-ewwel programm tal-lejla, apparti li tingħata ħarsa diretta lejn il-partita tal-ġimgħa bejn Neptunes u San Ġiljan li ntlagħbet nhar il-Ħamis li għadda, ikun hemm servizzi oħra dwar il-bqija tal-partiti l-oħra b’kummenti u analiżi tal-kowċ nazzjonali Malti u mistieden residenti tal-programm Man Up+, Karl Izzo u intervisti mal-plejers rispettivi.
Mis-serje “Stilel tal-Futur”, l-ewwel plejer li se nitkellmu dwaru llejla se jkun iż-żagħżugħ promessa ta’ Sirens, Jacob Sciberras li diġà kellu esperjenza mat-tim tal-kbar ta’ Malta.
Ħajr speċjali għall-ewwel programm tmur lejn it-tim tal-produzzjoni mmexxi minn Micallef, bl-għajnuna ta’ Stewart Said, il-muntaġġ ta’ Maria Grech u l-filmati ta’ Paul Spiteri, Ramon Farrugia, Noel Zammit u Steve Psaila.
Man Up+ hu miġjub grazzi għall-isponsors, Betsson Group, Jet Freight u Lannutti, Dizz Group, Videoslots.com u Bonello Financial.
//= $special ?>