Lokali Qorti

Omm tirbaħ il-kustodja ta’ binha għax il-missier qatt ma ta kasu; kien jippreferi jara s-serp ta’ sieħbu

Kawża li omm fetħet għall-kustodja ta’ binha nqatgħet favuriha wara li l-Qorti semgħet fost l-oħrajn kif missier it-tifel kien jippreferi jmur jara s-serp ta’ sieħbu milli jara u jieħu ħsieb lil ibnu stess.

Il-kawża kienet qed tinstema’ fil-Qorti tal-Familja, bl-omm talbet li l-kustodja tat-tifel, li jbati bl-awtiżmu, tkun esklussivament f’idejha, filwaqt li l-missier talab li l-kustodja tkun f’idejhom it-tnejn.

Il-Qorti semgħet kif ir-relazzjoni bejn il-kopja bdiet ħażin mill-ewwel, hekk kif il-ġenituri tat-tfajla kienu oġġezzjonaw, partikolarment minħabba d-differenza fl-età. Madankollu, it-tfajla spiċċat tgħix fl-appartament tiegħu u wara erba’ xhur, skopriet li kienet tqila mingħandu.

Għal din l-aħbar, ir-raġel issuġġerilha li taborti billi tieħu xi pilloli, bit-tfajla baqgħet tinsisti li għandha tkompli t-tqala. Hu waqaf jaħdem minkejja li hi kienet għadha studenta, bil-piż finanzjarju u ta’ responsabbiltà waqa’ kollu fuqha.

Il-Qorti semgħet b’numru ta’ inċidenti bejn il-koppja, b’mod partikolari meta kellha diffikultà waqt it-tqala, bir-raġel ħadha f’poliklinika minflok l-Isptar għax kienet aktar viċin. Darb’oħra, hu għażel li ma jwassalhiex għax ried jorqod u għalhekk kellha tmur ma’ ħabiba tagħha.

Mat-twelid, ħames ġimgħat qabel mistenni, ir-raġel ħa nofs il-flus li kienet faddlet it-tfajla, tant li hi kellha titlob l-għajnuna ta’ ommha. Barra minhekk, hu oġġezzjona li ismu jitniżżel fiċ-Ċertifikat tat-Twelid.

Fil-Qorti, quddiem l-Imħallef Robert Mangion, irriżulta wkoll kif meta kellu sentejn u nofs, bdew ikunu nnutati l-ewwel sinjali tal-awtiżmu, bl-omm xtaqet tibgħat lit-tifel fi ‘playschool’, iżda l-missier ma riedx iwasslu. Tfittxijiet li saru fl-appartament tiegħu kienu wasslu wkoll għal sejba sostanzjali ta’ kannabis.

Irriżulta wkoll li meta suppost kienu għadhom flimkien, sabet lir-raġel fis-sodda ma’ tfajla oħra. Maż-żmien, hi wkoll bdiet relazzjoni ma’ ġuvni ieħor, li jmur tajjeb ma’ binha. Fost ix-xhieda, kien hemm ‘social worker’, li nnutat l-istat ħażin li r-raġel kien iżomm fih lil ibnu.

Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat qal li jirriżulta ċar li kienet l-omm li ħadet ħsieb lil binha u nefqet ammont konsiderevoli ta’ flus biex tassigura li binha jkollu dak kollu meħtieġ.