Parlament

Priorità fl-ilma….it-tisħiħ tal-ilma tal-pjan u r-riġenerazzjoni tas-sors ġdid ta’ ilma

– Jean Pierre Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono qal li l-ħidma tal-WSC għandha tkun iffukata fuq it-tisħiħ tal-ilma tal-pjan u l-ġenerazzjoni tal-ilma klassifikat bħala tat-tieni klassi (new water) flimkien ma’ kampanja qawwija ta’ edukazzjoni dwar l-użu tal-ilma.

Meta kien qed jitkellem fl-ewwel diskors tiegħu fil-parlament fid-dibattitu dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) Jean Pierre Debono tkellem dwar l-ilma li tuża l-industrija u qal li hemm ħtieġa ta’ edukazzjoni biex il-poplu jkun mgħallem aħjar kif għandu juża l-ilma. Hu tkellem dwar id-drenaġġ u dwar il-familji li għadhom jużaw l-ispieri u qal li s-servizzi għanhdom jaslu sa dawn il-komunitajiet imwarrba.

Id-deputat Nazzjonalista kkritika l-qtugħ tas-servizzi tad-dawl waqt dawn il-ġranet ta’ sħana tremenda u qal li bi dritt in-nies staqsew x’wassal għal dan il-qtugħ.

Kien hemm 19-il lokalità li fihom kien hemm siegħat mingħajr provista ta’ dawl. F’diversi lokalitajiet kien hemm problemi ta’ kwalità inferjuri tal-ilma.

Jean Pierre Debono tkellem dwar l-ilma tal-pjan u qal li hemm sfidi kbar dwar dan is-settur flimkien mal-ġenerazzjoni tal-ilma u l-kreazzjoni tal-ilma ġdid mit-tisfija tad-drenaġġ. Hu kompla li dawn huma prijoritjaiet li jekk mhux se jkunu ikkunsidrati se joħolqu problemi għall-pajjiż.

Għalhekk għandu jsir pjan ħolistiku għal issa u għall-ġejjini. Prijorità ewlenija għandha tkun l-edukazzjoni, sostna Jean Pierre Debono, li kompla li jeħtieġ li l-poplu Malti jkun dejjem iktar sensibilizzat dwar l-importanza tal-ilma u tat-tisfija tad-drenaġġ.

Fuq is-settur tal-ilma, l-pajjiż għandu jkollu front komuni
Jean Pierre Debono kompla li bejn il-ħaddiema fis-settur m’għandux xikun hemm distinzjoni politika waqt li n-nies tingħata l-aqwa servizz bla ma jkunu s-servizzi.

Dwar l-operat tal-WSC hu qal li tul is-snin, il-WSC kienet qed ittejjeb ir-records finanzjarji tagħha, fl-2017 ma kinitx sena tajba għlal-WSC. Hu qal li qabel l-elezzjoni żdiedu numru ta’ impjegati fejn minn spiża €22.3 miljun fl-2014 fuq pagi din telgħet għal €27.6 miljun. Dan hu €5.3 miljun iktar kull sena, żieda ta’ 23.3% fl-ispiża fil-Korporazzjoni.

L-akbar nefqa tal-WSC hi fuq il-pagi fejn minn 31% din telgħet għal 33%. Hu qal li dawn l-impjegati m’humiex fuq l-istonku ta’ xi ħadd iżda jrid ikun ikkunsidrat f’liema dipartimenti dawn il-ħaddiema iddaħħlu. Hemm ħaddiema li m’għandhomx għodda biżżejjed biex dawn iwettqu xogħlhom.

Il-ħaddiema huma l-aqwa riżors li għandha l-WSC, sostna Jean Pierre Debono, li qal li għalhekk hu mistenni li dawn ikollhom l-għodda neċessarji. Hu kompla li l-WSC għandu jkollha pjan strateġiku għal ħames snin.

In-nefqa fuq il-karrozzi tal-WSC se titla’ minn €1.6 miljun fl-2014 għal €2.3 miljuni fl-2017; żieda ta’ €700,000.
Din in-nefqa għandha tkun spjegata; l-istess kif għandha tkun spjegata ż-żieda li fl-2014 kienet taħt il-€500,000 u issa se titla’ għal €3.7 miljuni. Dan kollu wassal biex minn profitt tal-WSC li fl-2015 kienu €7.4 miljuni, issa fl-2017 dawn se jinżlu għal €60,000.

Jean Pierre Debono tkellem dwar il-budget statement tal-WSC fir-rapport u qal li dan kellu jinkludi ż-żieda u mhux tkun ppreżenta biss karta waħda. Hu qal li 42% tal-ilma wżat ġie mill-ilma tal-pjan; persentaġġ li li juri kif dan hu konsum għoli u li l-pajjiż irid jara kif din id-dipendenza tonoqs.

Ir-reverse osmosis tal-pajjiż jipproduċu 58% tal-ilma fil-pajjiż, sostna Jean Pierre Debono, li kompla li l-pjan li jwassal sal-2020 juri li l-mira tal-WSC hi li l-pajjiż isir dipendenti fuq ir-reverse osmosis u tonqos dik mill-ilma tal-pjan.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-konsum uffiċjali mill-ilma tal-pjan mhux sostenibbli u qal li l-ħaddiema ank ż-żgħar għandhom iħossuhom parti mill-WSC. Għalhekk dawn għandhom ikunu motivati u jifhmu kemm qed jaħdmu f’settur kruċjali. Il-potenzjal tal-ħaddiema għandu jkun massimizzat.

Jean Pierre Debono tkellem dwar il-ġenerzzjoni ta’ ilma ġdid u qal li b’fondi Ewropej illum l-pajjiż għandu impjanti li jipproduċu dan l-ilma. Dan hu ilma importanti għall-industrija u l-ilma u għalhekk il-gvern għandu jispeċifika kmem qed ikunu ġenerati minn dan l-ilma u jekk hux se jkun hemm ħlasijiet futuri għall-użu ta’ dan l-ilma. Dan se jkun użat ukoll għar-riġenerazzjoni tal-ilma tal-pjan. Irid ikun hemm laqgħat ta’ taħriġ mal-bdiewa.