Lokali

Is-servizz sigriet Malti użat biex isus wara uffiċjali tal-FIAU

B’ordni diretta minn Kastilja, is-Servizz Sigriet Malti (MSS) fil-ġimgħat li għaddew kien użat, fost l-oħrajn, biex isegwi mill-qrib il-movimenti ta’ Uffiċjali mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).

Mhux magħruf x’kienet l-intenzjoni ta’ din l-ordni li ngħatat lis-Servizz Sigriet Malti, iżda fizzjali pajżana segwew il-movimenti ta’ numru ta’ Uffiċjali indikati lilhom mill-Financial Intelligence Analysis Unit u rrapportaw dwarhom lis-Superjuri tagħhom. Nifhmu li eventwalment l-informazzjoni miksuba ntbagħtet Kastilja għal aktar evalwazzjoni, osservazzjoni u azzjoni.

Għalkemm it-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija hi waħda totalment f’idejn Laburisti mill-familja ‘Tagħna Lkoll’, Kastilja xorta waħda tirrikorri għas-Servizz Sigriet Malti f’xogħol ta’ ġbir ta’ informazzjoni bħal fil-każ ta’ shadowing ta’ Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).

Fl-aħħar xhur bosta kienu dawk li kienu jservu fil-Financial Intelligence Analysis Unit li segwew il-passi ta’ Manfred Galdes – li kien imexxi direttament hu lill-istess FIAU – u dabbru rashom minn din l-istituzzjoni.

Il-pressjonijiet – anki għal skop mhux leċitu – fuq l-Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit fl-aħħar xhur kibru ħafna u ħolqu ħafna tensjoni fi ħdan l-uffiċċji tal-FIAU. Dak li qabel kien isir b’mod professjonali, seren u b’kawtela kbira, issa minn meta faqqgħu l-iskandli ‘Panama Papers’, allegati każi ta’ ħasil ta’ flus allegati intriċċi fil-Pilatus Bank ħoloq ħafna pressjoni inġusta fost l-istess Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit.

Kastilja ma hi komda assolutament xejn bl-affarijiet ġestitit mill-Financial Intelligence Analysis Unit u minn wara l-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju li għadda qed tesiġi kontroll aktar u aktar dirett fuq dak kollu li jsir fil-Financial Intelligence Analysis Unit. Dan il-kontroll jista’ jsir biss billi persuni integri u tal-affari tagħhom fi ħdan l-FIAU jkunu mnaffra u mdejqa f’xogħolhom u kostretti jħallu l-professjoni tagħhom minn din l-istituzzjoni.

Dan jagħtu lok dirett biex fil-Financial Intelligence Analysis Unit jiddaħħlu għadd ta’ uċuħ ġodda mill-familja ‘Tagħna Lkoll’ u hekk anki din l-istituzzjoni ssir parti diretta taħt il-kontroll assolut tal-Gvern li jiddetta hu x’isir u x’ma jsirx.

Issa li Joseph Muscat reġa’ qiegħed jorkestra l-ordnijiet minn Kastilja, jidher li hemm numru ta’ kwistjonijiet fuq nett fl-aġenda tal-Gvern fir-rigward tal-Financial Intelligence Analysis Unit. Fost l-oħrajn li Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit jispezzjonaw lill-Pilatus Bank biex ikunu jistgħu joħorġulu ċertifikazzjoni nadifa ħalli jkun jista’ jibqa’ għaddej bl-operat tiegħu!

Kif żvelat ilbieraħ il-gazzetta il-mument, l-Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit mhumiex disposti li jagħmlu din l-ispezzjoni u analiżi issa li għaddew bosta xhur wara li isem Pilatus Bank feġġ b’rabta ma’ allegati ħasil ta’ flus. Fi ftit kliem l-Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit mhumiex lesti li jħallu lil min jużahom sempliċiment biex jakkomoda lil Kastilja li tibqa’ toħroġ għonqha għal min abbuża sfaċċatament.

Kulħadd jiftakar ix-xena ta’ sid il-bank, l-Iranjan Seyed Ali Sadr, jidher ħiereġ mill-emergency exit ta’ Pilatus Bank f’Ta’ Xbiex tard filgħaxija f’jum tal-Ħamis akkumpanjat minn uffiċjal tal-Bank. Ix-xeni ta’ Seyed Ali Sadr iġorr żewġ bagalji tqal jibqgħu friski… jgħaddi kemm jgħaddi żmien.

Ftit sigħat wara dan kollu, jiġifieri fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, imbagħad telqet minn Malta titjira misterjuża lejn l-Ażerbajġan.

Ix-xena tad-delitt f’Pilatus Bank f’Ta’ Xbiex kienet aktar milli mittiefsa… ikkontaminata għall-aħħar… u hu għalhekk li l-Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit qed jirrifjutaw milli jagħmlu xogħol ta’ spezzjonijiet fl-uffiċċji tal-Pilatus Bank.

Iffaċċjati minn dawn il-burraxki bla bżonn, Uffiċjali fil-Financial Intelligence Analysis Unit diġà dabbru rashom huma wkoll għaliex ma jistgħux jissaportu aktar l-indħil sfaċċat fix-xogħol tagħhom u ma jridux li l-integrità tagħhom tkun imxellfa. Wieħed mill-Ispetturi tal-Financial Intelligence Analysis Unit li dabbar rasu hu Mario Felice.

Iżda f’dawn il-jiem jidher li aktar Uffiċjali qed ikunu kostretti li jew jitilqu minn rajhom mill-Financial Intelligence Analysis Unit jew isibu l-giljottina tal-Gvern li ddabbrilhom rashom mill-istess istituzzjoni.

Żewġ Uffiċjali oħra f’dan ir-rigward huma Charles Cronin u Jonathan Ferris li kienu jokkupaw karigi importanti fi ħdan il-Financial Intelligence Analysis Unit. Charles Cronin ingħaqad mal- Financial Intelligence Analysis Unit ftit tax-xhur ilu wara li kien immilita fis-settur tas-servizzi finanzjarji ġewwa Londra, Jersey u Frankfurt u għalhekk igawdi esperjenza kbira fis-settur.

Min-naħa tiegħu Jonathan Ferris kien jimmilita fil-Korp tal-Pulizija, fejn kien iservi bħala Spettur fit-Taqsima ta’ Kontra l-Frodi.

Ir-riżenji ta’ aktar persuni integri f’dan il-kamp żgur li se tkompli tħalli aktar effetti negattivi fuq is-suppost ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus.

Proprju f’dawn il-jiem sar magħruf li l-Gvern Malti naqas milli josserva d-data tas-26 ta’ Ġunju li kienet id-deadline mogħtija mill-Unjoni Ewropea sa meta kellha tiġi implimentata r-raba’ Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus.

Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea hi ntiża sabiex ikun hemm regoli aktar stretti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern Malti għadu jrid idaħħal dawn ir-regoli fil-liġi, bil-ħsieb tal-Unjoni Ewropea jkun li jiżdiedu l-kontrolli fuq il-klijenti tal-banek u intermedjarji finanzjarji. Id-Direttiva torbot lill-intermedjarji u l-banek iwettqu analiżi stretta tal-klijenti tagħhom bil-għan li jiġu miġġielda kemm il-ħasil tal-flus kif ukoll il-finanzjament ta’ atti terroristiċi.