Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għaddej b’xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fiż-żona u l-bajja popolari ta’ Għar Lapsi.
F’kummenti lil Net News, is-Sindku Alessia Psaila Zammit spjegat kif fl-immedjat se jibda xogħol li se jiswa’ lill-Kunsill Lokali investiment importanti.
Hi sostniet li b’mod immedjat il-Kunsill Lokali se jkun qed jagħmel investiment ta’ madwar €25,000 biex jinbidlu r-railings tal-platform, se jinbidlu t-tabelli u se ssir ukoll manutenzjoni ġenerali tal-bajja b’mod speċjali fejn hemm perikli.
Fl-istess waqt il-Kunsill Lokali u Transport Malta applikaw għal fondi Ewropej biex issir it-triq li tieħu lejn Għar Lapsi li tinsab fi stat ħażin ħafna.
Fiż-żona mistenni jsir ukoll xogħol ieħor ta’ tisbiħ u manutenzjoni, inkluż mill-Gvern, kif ukoll l-istallazzjoni tas-servizz tal-wifi b’xejn għal kulħadd.
Sadattant fiż-żona saret konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarji Parlamentari Silvio Schembri u Deo Debattista li qalu li se jassistu lill-Kunsill Lokali fejn dan ma jasalx minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji li l-Kunsilli Lokali għandhom.
Għamluha ċara li l-Gvern mhux se jkun f’kompetizzjoni mal-Kunsill Lokali iżda se jassistih, madankollu din il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbret lill-midja siegħa u nofs biss qabel u l-Kunsill Lokali sar jaf biha fl-istess waqt li saret taf il-midja.
Alessia Psaila Zammit wegħdet li l-Kunsill Lokali jibqa’ kommess li jaħdem mal-Gvern biex iż-żona ta’ Għar Lapsi u żoni oħra fil-lokalità jitjiebu u jsiru iżjed siguri.
//= $special ?>