Josef Seychell ta’ 24 sena kien ikkundannat tliet snin u erba’ xhur ħabs wara li ammetta sensiela ta’ serqiet fuq anzjani, u dan biex jiffinanzja il-vizzju tad-droga.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Seychell ammetta li seraq anzjan ta’ 84 sena u żewġ anzjani nisa ta’ 66 u 61 sena. Is-serqiet saru bejn il-21 ta’ Mejju u t-12 ta’ Ġunju li għadda f’Ħal Qormi u fil-Ħamrun.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li qieset iċ-ċirkostanzi kollha meta waslet għall-piena imposta, fosthom li ammetta fi stadju bikri għal serqa minnhom u saħansitra informa lill-pulizija b’żewġ serqiet oħra li kien wettaq iktar kmieni. Il-Qorti qieset ukoll li l-akkużat hu maħkum mill-vizzju tad-droga u qed jitlob l-għajnuna tal-awtoritajiet sabiex jinħeles minnu. Min-naħa l-oħra, dawn ir-reati, imwettqa fuq l-iktar niex vulnerabbli, ma jistgħu qatt jiġu skużati minħabba xi vizzju.
Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li jekk jittieħdu miżuri iebsa minn issa, għad hemm ċans li l-fedina penali taż-żagħżugħ ma tkomplix titwal.
Hi qalet li fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet kif ukoll wara l-emendi fil-liġi intiżi speċifikament biex jiħraxu l-pieni f’reati kontra l-anzjani, Seychell kien ikkundannat għal 40 xahar ħabs. Hu tpoġġa wkoll taħt Ordni tat-Trattament għal tliet snin sabiex isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri u Carlos Cordina.
//= $special ?>