Kumpanija tal-għamara ġiet ordnata tagħti kumpens ta’ €64,604 lil ħaddiem mis-Serbja wara li nżammet responsabbli ta’ inċident li fih spiċċa tilef seba’ ta’ id u parti minn ieħor li nqatgħulu minn xfafar ta’ magna.
Slobodan Kozarev, li għandu 40 sena, fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra JDS Manufacturing Limited wara li żammha responsabbli għall-inċident li kien seħħ fis-6 ta’ Settembru 2013.
Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, is-Serb spjega li kien ilu 13-il sena jaħdem ta’ mastrudaxxa f’pajjiżu u ġie jfittex xogħol Malta minħabba l-pagi baxxi f’pajjiżu
Huwa beda jaħdem mal-JDS f’Mejju 2013 fejn kien jitħallas €4.25 fis-siegħa.
Dwar dakinhar tal-inċident Kozarev xehed li kien qed jagħmel żewġ partijiet tal-injam fuq magna antika li kellha ‘emergency switch’ li ma kienx jaħdem. Skont hu, ix-xafra ma kellha ebda ‘guard’ u l-injama ma kellix ‘template’ u kif ressaq l-injama max-xafra din ġibdetha u subgħajh ta’ idu x-xellugija lejha fejn nqabdu taħt ix-xafra.
Kozarev żied li wara l-inċidnt mar darba oħra biex jgħin fl-installazzjoni ta’ bibien għand xi klijenti imma l-kumpanija ma bagħtitx aktar għalih u mbagħad irritorna pajjiżu fejn wara xi żmien sab impjieg.
Fis-sentenza, l-Imħallef Mintoff qal li l-magna li fuqha weġġa’ kellha fuqha aktar minn 25 sena ma kellhiex safeguards moderni adegwati mibnija fiha u ċertament kienet qed tistenna li jseħħ xi inċident serju f’xi ħin jew ieħor.
“Is-soċjetà konvenuta naqset milli tagħmel dan u ma saritx spezzjoni fi żmien xieraq mill-istess awtorità biex anki tiġi ippreservata l-evidenza”, kompla l-imsemmi mħallef.
Huwa qal li kien jinsab moralment konvint li l-attitudni tal-management kienet tali li jfittex kemm jista’ jkun li jitħaffef ix-xogħol, fejn il- ħaddiema jaħdmu sigħat twal ta’ xogħol inkluż is-Sibt u ma jitħallsux tas-sahra imma jitħallsu bis-siegħa siegħa u fejn il-kumpanija ma kinitx tagħti l-importanza dovuta lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol u tissorvelja kif xieraq l-perikli li l-impjegati kienu jqegħdu lilhom infushom fihom biex jgħaġġlu.
“Terġa’ u tgħid, meta seħħ l-inċident inkwistjoni, is-soċjetà konvenuta bi ksur tal-liġi, ma rrappurtatx l-inċident lill-awtoritajiet kompetenti u lanqas lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tagħha u l-għada sebaħ jum ġdid u qisu qatt ma kien xejn”.
L-Imħallef Mintoff iddikjara li l-kumpanija messha żgurat li l-magna li kien qed jaħdem biha Kozarev jew issirilha l-protezzjoni meħtieġa jew inkella tiġi skartata għal kollox u ma jużaha ħadd u tiġi sostitwita b’magna aktar moderna b’sigurtà ferm ogħla, aktar u aktar meta x-xogħol li qegħdin jagħmlu l-ħaddiema kien wieħed frenetiku fejn jgħaddu minn magna għal oħra.
Waqt li għalhekk żamm lill-kumpanija JDS responsabbli tal-inċident, meta ġie biex jaħdem il-kumpens qies fost oħrajn li Kozarev kellu 37 sena dakinhar tal-inċident u sofra diżabilita ta’ 22%. Kien għalhekk li ordnalha tagħtih kumpens ta’ €64,604.
//= $special ?>