Lokali Unjoni Ewropea

F’pajjiżna Muscat għandu jsegwi l-pariri li hu stess jipprietka fl-istituzzjonijiet Ewropej – David Casa

Battibekk bejn Juncker u Tajani għall-preżenza ta' ftit MEPs waqt l-intervent ta' Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’Malta, għandu jsegwi l-pariri li hu stess jipprietka meta jkun fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Hekk appella l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa meta, fil-Plenarja ta’ Strasburgu, kien qed jitkellem dwar l-għeluq tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.

David Casa rrefera għall-appelli li l-Prim Ministru għamel fl-istituzzjonijiet Ewropej favur l-għaqda. Min-naħa l-oħra, f’pajjiżna, il-Gvern ta’ Muscat stess ċaqlaq nies minn posthom maċ-Ċivil minħabba l-kulur politiku tagħhom.

Fl-istess waqt, innota wkoll id-diversi ċaqliqiet li kien hemm fost il-persuni responsabbli mill-attivitajiet tal-Valletta 2018. Dwar dawn tal-aħħar, kien espress ukoll tħassib minn diversi membri tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-intervent tiegħu, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew sellem lill-ammont ta’ Uffiċjali Maltin li użaw l-esperjenza li kisbu fl-aħħar snin biex il-Presidenza Maltija setgħet tkun suċċess.

Min-naħa l-oħra, bħala Kordinatur f’isem il-Partit Popolari Ewropew tal-Kumitat dwar ix-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, David Casa innota b’dispjaċir kif matul is-sitt xhur li għaddew baqa’ ma ntlaħaqx ftehim dwar id-Direttiva tal-Impjiegi. Hu esprima t-tama li kompromess dwar din jintlaħaq fix-xhur li ġejjin.

Sadanittant, għall-intervent tal-Prim Ministru Muscat fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, illum kien hemm preżenti biss madwar 30 Membru Parlamentari Ewropew. Dwar dan, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal li din l-attendenza miżera għalih hi “redikola”.

Għal dan il-kumment, wieġeb il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, li talab lil Juncker juża’ lingwaġġ aktar adattat fil-konfront ta’ istituzzjoni daqstant importanti. Tajani nnota kif il-Kummissjoni Ewropea m’għandha l-ebda kontroll dwar il-mod kif jaħdem il-Parlament Ewropew.