Futbol Sport

FUTBOL U21 – Il-UEFA tħabbar l-aqwa 11 tal-Kampjonat Ewropew

L-Ispanjol Ceballos ġie vvutat bħala l-aqwa plejer tat-turnament

Ftit jiem ilu l-Ġermanja ġew inkurunati champions tal-Ewropa fil-livell ta’ taħt il-21 sena hekk kif fil-finali għelbu lil Spanja 1-0. Gowl ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima skurjat minn Weiser kien biżżejjed għall-Ġermanja.

Dan kien it-tieni suċċess għat-tim ta’ Stefan Kuntz wara li kienu rebħu fl-2009. Jum wara l-finali tal-Ġimgħa, l-UEFA ħabbret min kienu l-aqwa 11 plejers tat-turnament li sar fil-Polonja.

Bla dubju tispikka l-preżenza qawwija ta’ plejers Ġermaniżi u Spanjoli li waslu sal-finali mat-tim rispettiv tagħhom.

Gowlkiper
Julian Pollersbeck (Ġermanja)
Fil-partiti tal-fażi tal-gruppi kellu wirjiet pożittivi imma l-aktar li spikka kien fil-fażi tan-knockout. Fis-semifinali kontra l-Ingilterra kien strumentali hekk kif salva żewġ penalties biex għen lit-tim tiegħu jgħaddi għall-finali, finali li eventwalment intrebħet mill-Ġermaniżi.

Difensuri
Milan Skriniar (Slovakkja)
Skriniar hu l-uniku plejer li ma jagħmilx parti mill-erba’ timijiet li waslu sas-semifinali tal-kompetizzjoni. Il-wirjiet tiegħu mas-Slovakkja kienu ferm tajbin. Matul is-sena li għaddiet Skriniar beda jilgħab ma’ Sampdoria u dawn se jittamaw li jkompli b’dawn il-wirjiet la darba jibda l-kampjonat Taljan lejn tmiem Awwissu li ġej.

Jeremy Toljan (Ġermanja)
Id-difensur mhux biss kien utli fid-dipartiment tiegħu imma anke ipprovda l-assist lil Weiser fil-finali kontra Spanja. Il-plejer ta’ Hoffenheim hu kapaċi jattakka mal-linja u jkun perikoluż anke la darba jaqbeż nofs il-grawnd.

Niklas Stark (Ġermanja)
Il-plejer ta’ Hertha Berlin kien dubjuż għall-finali imma dan mhux biss irkupra imma kellu anke wirja mill-aqwa kontra Spanja. Din il-wirja kienet risflessjoni tal-wirjiet l-oħra li kellu matul dawn il-ġimgħatejn li għaddew fil-Polonja.

Yannick Gerhardt (Ġermanja)
Plejer ieħor li jilgħab fil-Bundesliga hu Yannick Gerhardt ta’ Wolfsburg. Minkejja li m’huwiex perikoluż daqs Toljan, wieħed jista’ jgħid li hu aktar kapaċi jiddefendi. Id-difiża tal-Ġermanja kienet strumentali għat-tim biex rebaħ il-Kampjonat Ewropew u bla dubju Gerhardt kien wieħed mill-pedini.

Midfielders
Maximilian Arnold (Ġermanja)
Il-captain tat-tim Ġermaniż Maximilian Arnold hu plejer ieħor ta’ Wolfsburg li impressjona bil-kbir fil-Polonja. Hu m’huwiex biss plejer ta’ konteniment imma anke wieħed li kapaċi jagħti passaġġi preċiżi lil sħabu.

Dani Ceballos (Spanja)
Ceballos ġie vvutat bħala l-aqwa plejer tat-turnament. Il-midfielder ta’ Betis beda l-fażi tal-gruppi fuq il-bank imma malajr kiseb post mal-ewwel 11 la darba wera x’jaf.

Max Meyer (Ġermanja)
Il-plejer li jilgħab ma’ Schalke kien kontinwament ta’ theddida għad-difiżi avversarji. Wieħed jista’ jgħid li Meyer kien wieħed mill-aktar plejers importanti tat-tim immexxi minn Stefan Kuntz. Mhux ta’ b’xejn dan il-plejer diġà għamel id-debutt tiegħu mat-tim tal-kbar meta kien għad kellu 18-il sena, jiġifieri tliet snin ilu.

Saúl Ñíguez (Spanja)
Niguez kien bla dubju l-aktar plejer segwit matul dan it-turnament minħabba diversi raġunijiet. Hu kien diġà għamel isem mat-tim tiegħu Atletico Madrid u ikkonferma l-qawwa tiegħu billi temm bħala l-aqwa skorer tat-turnament. Bla dubju tispikka l-hat trick li skurja fis-semifinali kontra l-Italja. Jiem wara li ntemm il-Kampjonat Ewropew Atletico ġeddewlu l-kuntratt.

Attakkanti
Marco Asensio (Spanja)
Plejer ieħor Spanjol li spikka mhux biss b’hat-trick imma anke bil-wirjiet tiegħu kien Marco Asensio. Hu sab ix-xibka tliet darbiet fl-ewwel logħba kontra l-Maċedonja u minn hemm ‘il quddiem ma ħarisx lura.

Federico Bernardeschi (Italja)
Wara li skurja 11-il gowl fis-Serie A matul l-istaġun li għadda, l-attakkant ta’ Fiorentina Federico Bernardeschi kompla bil-wirjiet tajbin tiegħu mat-tim nazzjonali. Il-gowls tiegħu għenu lill-Italja tasal sas-semifinali.