Lokali Qorti

Ħati li kkorrompa lill-eks sieħba biex tixhed falz

Massimo Bonello, xufier ta’ xarabank ta’ 43 sena, kien ikkundannat 10 xhur ħabs wara li nstab ħati li kien ikkorrompa lill-eks sieħba tiegħu biex tixhed falz favur id-difiża tiegħu fi proċeduri dwar inċident tat-traffiku disa’ snin ilu. Mara kienet weġġgħet gravi u kienet għal xi żmien saħansitra fil-periklu tal-mewt.

F’dawk il-proċeduri, Bonello kien inħeles mill-akkużi kollha miġjuba kontrih ħlief dik li kien qed isuq xarabank mingħajr liċenzja u kien immultat €150.

Wara, sar magħruf li l-mara li suppost rat l-inċident u xehdet favur Bonello, fir-realta’ ma kienitx preżenti u sar magħruf li l-mara kienet f’relazzjoni mal-akkużat u kellha tarbija minnu.

Ir-raġel tal-vittma fetaħ kwerela u l-pulizija fetħet proċeduri kriminali x-xhud filwaqt li Bonello kien akkużat b’korruzzjoni ta’ xhieda. Il-mara ammettiet u meta xehdet, qalet li l-akkużat kien avviċinaha fil-Qorti u kellu ħarsa f’għajnejh li kienet taf sew, għaliex kienet tgħix f’biża’ kontinwa minnu u ta spiss kien jheddidha li jieħu l-kustodja tat-tarbija li kellhom. Hi nstabet ħatja li xehdet falz u kienet ikkundannata sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin. Hi ingħatat ukoll interdizzjoni ġenerali ta’ sentejn.

Bonello ċaħad li hedded lill-eks sieħba tiegħu u sostna li hi kienet xehdet b’mod spontanju biex tiddefendih.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, innutat li kollox jindika li l-akkużat Bonello ma’ kienx qed jgħid il-verita u li l-Prosekuzzjoni irnexxielha tipprova lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li Massimo Bonello ikkorrompa lix-xhud.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg