Lokali Parlament

Jeħtieġ priorità biex jitwaqqaf il-prekarjat

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-istrutturi tat-tribunal li nħolqu biex jikkontrollaw il-prekarjat ma kellux is-suċċess mixtieqa għaliex dan sar parti mill-burokrazija bil-konsegwenza li l-pekarjat baqa’ preżenti fis-settur tax-xogħol f’Malta.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament dwar Jobsplus, Carm Mifsud Bonnici qal li fir-realtà ż-żieda ta’ 3.4% fil-ħaddiema f’Malta hi riżultat tal-35,000 barrani li jaħdmu f’Malta. Dwar in-nisa hu qal li mhux stabbilit jekk iż-żieda f’dan is-settur kinitx riżultat ta’ ħaddiema barranin jew Maltin.

Id-deputat Nazzjonalista qal li qed ikun hemm diversi impatti bl-influss tal-ħaddiema barranin f’Maltin fosthom fuq il-prezzijiet u fuq il-kirjiet tal-postijiet.

Jirriżulta li qabel l-aħħar elezzjoni kien hemm numru ta’ persuni li ddaħħlu jaħdmu mal-gvern; deċiżjoni li żgur li se jkollha effett minħabba li ħafna minnhom telqu mis-settur privat biex marru mal-gvern.Dan se jwassal għal impjiegi ta’ iktar nies minn barra.

Carm Mifsud Bonnici jirriżulta li hemm madwar 7,000 żagħżugħ li la qed jirreġistraw u lanqas jattendu f’xi entità edukattiva. Hu importanti li jkun hemm analiżi dwar min huma dawn iż-żgħażagħ. Irid ikun stabbilit jekk il-fondi tal-UE hux qed jintużaw bl-aħjar mod kif jinstabu s-soluzzjonijiet.