Mara Britannika li temmen li t-tarbija tagħha nħatfitilha, ftit wara t-twelid, mill-istaff ġewwa sptar fi Spanja issa aċċertat li l-każ tagħha se jinstama’ mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani.
Ruth Appleby, residenti ta’ Yorkshire, fl-1992, kienet infurmata li bintha mietet ‘sigħat biss wara t-twelid’ u wara li hi, qabel, kienet ingħatat x’tifhem li din it-tarbija kienet twieldet b’saħħitha.
Hi aktar tard semgħet li eluf ta’ trabi Spanjoli kienu ‘nħatfu’ – allegatament minn persuni fl-isptar – biex jingħataw għall-adozzjoni.
Intant, Ruth Appleby segwiet il-każ tagħha permezz tas-sistema legali Spanjola, iżda mingħajr suċċess.
Hi stess qalet li l-aħħar appell li tressaq kien quddiem it-tribunal Kostituzzjonali ‘u meta dan ma ntlaqax, iċ-ċirkustanzi wittewlha t-triq biex hi tirrikorri għall-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani.’
Appleby kienet welldet it-tarbija fi sptar, fil-belt Spanjola ta’ La Coruna, fejn hi kienet qiegħda tgħix dak iż-żmien. Kien proprju l-għada, imbagħad, li n-nies fl-isptar qalulha li bintha kienet mietet.
Meta l-mara rritornat fir-Renju Unit fl-2010 hi għamlet l-arranġamenti biex jinqalgħu l-fdalijiet ta’ bintha għal proċess ta’ kremazzjoni, u fejn ‘indunat’ li l-iskeletru fit-tebut deher li kien ta’ tarbija ħafna akbar.
Fis-sena ta’ wara, hi saret taf dwar skandlu ta’ tfal misruqin fi Spanja u fl-2012, u iddeċidiet li tirrapporta l-każ lill-pulizija.
F’Mejju, Appleby ivvjaġġat lejn Madrid, flimkien ma’ numru ta’ deputati mill-Parlament Ewropew li kienu qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet dwar il-ħtif tat-tfal.
Intant, qed jingħad li d-deċiżjoni biex il-każ ta’ Ruth Appleby jinstama’ mill-Qorti Ewropea tad-Drittiijet Umani għandha titqies bħala pass kbir ‘il quddiem ‘biex tinstab il-verità dwar bintha u dwar il-ħafna każi fejn ommijiet oħrajn kienu nħatfulhom it-trabi’.
Il-proċess jista’ jservi wkoll bħala ‘preċedent kbir li jiftaħ beraħ l-iskandlu’, minbarra li jippermetti biex issir il-ġustizzja man-nies affettwati wara daqstant żmien.
//= $special ?>

