It-truppi tal-Iraq żiedu l-offensiva fuq l-ISIS fl-inħawi ta’ Mosul huma u jistinkaw biex jieħdu l-kontroll sħiħ ta’ din il-belt minn idejn it-terroristi.
Fl-aħħar sigħat, kienu rappurtati sensiela ta’ battalji f’Mosul fost numru ta’ attakki suwiċida min-naħa tat-terroristi. Dan meta l-Kwartier Antik tal-Belt – li qed iservi bħala l-aħħar fortizza tal-ISIS – spiċċa suġġett għall-attakki mill-ajru kontinwi, fost il-bumbardamenti tal-artillerija.
Il-Kmandanti tal-qawwiet Iraqqin, intant, kienu qed jistennew li jieħdu l-kontroll sħiħ ta’ Mosul ‘minn ħin għal ieħor’, anki jekk it-truppi tagħhom xorta baqgħu jiffaċċjaw ir-reżistenza fanatika mill-ISIS, fejn spikkaw l-azzjonijiet suwiċida, li wħud minnhom twettqu minn terroristi nisa.
L-offensiva fuq Mosul ilha għaddejja minn Ottubru, u fil-preżent, eluf ta’ suldati Iraqqin qegħdin jiġġieldu biex jeliminaw it-theddida tal-ISIS minn dawn l-inħawi.
It-truppi qed jingħataw appoġġ mingħand il-ġellieda Kurdi, it-tribujiet Arab Suniti u l-milizzji Xiti. Qegħdin jieħdu sehem ukoll fl-offensiva numru ta’ ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni anti-ISIS li qed tmexxi l-Istati Uniti.
Il-Gvern Iraqi kien ħabbar ‘il-liberazzjoni sħiħa’ tal-Lvant ta’ Mosul f’Jannar tal-2017, iżda l-inħawi lejn il-Punent tal-belt ippreżentawlu sfida aktar diffiċli, minħabba t-toroq dojoq li jiddominaw dik iz-zona u fejn l-ISIS jistgħu jirreżistu aħjar għall-attakki.
Kmandanti tal-qawwiet Iraqqin issa qalu li l-ġlied fil-Kwartier Antik ta’ Mosul kien qed isir aktar diffiċli waqt li huma rreferew għan-nisa ‘li qed jintużaw bħala terroristi suwiċida fin-neighbourhoods tal-belt.’ Dawn in-nisa, fil-fatt, qed jispikkaw aktar mis-snipers tal-ISIS li, sa ftit ilu, kienu qed jostakolaw l-avvanzi tat-truppi.
In-nisa kienu preżenti waqt numru ta’ attakki suwiċida fuq is-suldati filwaqt li tal-anqas seba’ nisa li kienu qed iġorru l-isplużivi ppruvaw javviċinaw lit-truppi iżda laħqu kienu interċettati.
Il-Kmandanti Iraqqin qalu, issa, li biex jevitaw dawn l-attakki huma qegħdin joħorġu direttivi biex in-nisa kollha li jaħarbu mill-Kwartier Antik ta’ Mosul ineħħu l-veli qabel javviċinaw lis-suldati. Dan meta l-irġiel li qed joħorġu minn Mosul qed ikunu ordnati ‘biex ineħħu l-qomos’ ħalli juru li mhumiex qed iġorru l-isplużivi.
Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-ISIS jistgħu qed iżommu ‘il fuq minn 100,000 persuna f’Mosul bħala tarki umana.
//= $special ?>

