Il-Korea ta’ Fuq komunista qed tiddikjara li rnexxietilha prova ta’ missila interkontinentali, li twassal għal distanzi twal, bil-potenzjal ukoll li tolqot l-artijiet tal-Istati Uniti.
Din hi l-ewwel darba li l-Korea ta’ Fuq qed titkellem dwar is-suċċess ta’ prova għal missila ballistika interkontinentali, bil-kelliema għall-Istati Uniti qed jinsistu li din il-missila ma timponix theddida partikolari għall-pajjiż.
Dan meta r-rapporti dwar l-aħħar prova mill-Korea komunista sostnew li l-missila niżlet direttament għal ġol-Baħar tal-Ġappun.
Ingħad li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un segwa personalment din il-prova,li kopriet distanza ta’ aktar minn 900km qabel laqtet mira fil-baħar.
Fl-aħħar xhur, il-Korea ta’ Fuq żiedet il-frekwenza tat-testijiet missilistiċi, fost l-ansjetà tal-komunità internazzjonali u bit-tensjoni tirranka fil-peniżola Koreana u madwar il-kontinent Ażjatiku.
Madankollu, l-esperti għadhom qed isostnu li l-Korea komunista għad m’għandhiex it-teknoloġija biex tadatta l-materjal nukleari għal ‘warhead’ ta’ missila li tista’ tintuża’ għal xi attakk fuq il-ġirien tal-Asja jew fuq l-Istati Uniti.
//= $special ?>