Internazzjonali

Is-Sirja: Qawwiet anti-ISIS javvanzaw lejn il-qalba ta’ Raqqa

Il-gwerra kontra l-ISIS fis-Sirja  tidher li għaddejja minn fażi deċiżiva wara li l-qawwiet Sirjani appoġġjati mill-Istati Uniti rnexxielhom javvanzaw aktar ’il ġewwa fil-Belt Antika ta’ Raqqa, li ilha s-snin bħala fortizza ewlenija tat-terroristi f’dan il-pajjiż.

Ir-rapporti qalu li l-koalizzjoni taħt it-tmexxija Amerikana għenet fl-avvanzi tal-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja meta kkonċentrat il-bumbardamenti fuq sezzjonijiet tal-Ħajt ta’ Rafiqa storika, fil-qalba ta’ Raqqa, minfejn setgħu jinfiltraw is-suldati ta’ kontra l-ISIS. Dan wara li l-qawwiet Sirjani kienu ilhom ix-xhur jiċċirkondaw dik il-belt ewlenija li l-ISIS ħadu f’idejhom fl-2014 qabel ħabbruha bħala l-kapitali tal-‘Kalifat’ tagħhom.

Il-belt ta’ Raqqa serviet bħala hub importanti għall-operat tal-ISIS u issa hemm indikazzjonijiet li uffiċjali importanti tal-istess grupp terroristiku ħarbu minn hemmhekk lejn il-provinċja Sirjana ta’ Deir al-Zour li hi, fil-parti l-kbira, taħt il-kontroll tal-militanti Iżlamiċi.

L-aħħar rapporti qalu li fadal sa 2,500 ġellied tal-ISIS f’Raqqa meta hemm ukoll xi 100,000 persuna li spiċċaw iżolati f’din il-belt b’kaġun tal-battalji li għaddejjin bħalissa.

Il-Kwartier Antik ta’ Raqqa hu zona ta’ importanza strateġika kbira, u jekk l-Alleanza tal-Għarab u l-Kurdi jirnexxilha tieħu kontroll assolut fl-inħawi, tkun għamlet pass kbir importanti fl-impenn lejn l-eliminazzjoni tal-ISIS fis-Sirja.