Sport Sport Ieħor

ASMK – Paul Muscat champion fil-Motocross għall-ewwel darba

Paul Muscat fuq KTM (Ritratt – Mario Micallef)

Nhar il-Hadd li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi kellha lejla impenjattiva fejn fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’Qali kienu organizzati diversi attivitajiet minn numru ta’ sezzjonijiet fosthom bil-Muturi Motocros u Trials u bil-Karozzi Autocross.

Għal din il-ġurnata irreġistraw 48 kompetitur li kienu maqsuma fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.

Fil-muturi Motocross ġiet organizzata l-aħħar attività ta’ dan l-istaġun fejn fi klassi A rajna l-aħwa Muscat jiddominaw il-ġurnata. Paul Muscat rebaħ l-ewwel heat filwaqt li fit-tieni heat spiċċa t-tieni biex għalaq il-ġurnata fl-ewwel pożizzjoni. Paul Muscat kien segwit minn ħuh Trevor Muscat it-tnejn fuq muturi KTM. Fit-tielet post spiċċa David Dimech fuq mutur Honda.

Fi Klassi B rajna lil James Zahra fuq Sherco jirbaħ din il-klassi u kien segwit minn Bernard Sammut fuq Husqverna u Robert Spiteri fuq Yamaha.

Klassi C kienet iddominata minn Joe Azzopardi fuq Yamaha u kien segwit minn Luke Sheldon fuq Kawasaki. Fil-Klassi Veterans rajna lil Paul Degaura fuq KTM jirbaħ din il-klassi u kien segwit mill-aħwa Sant William fuq Suzuki u Jethro fuq Yamaha. Louis Debono daħal fir-raba’ post fuq mutur Yamaha.

Iċ-champion Muscat, dan l-istaġun Muscat irnexxielu jirbaħ sitt tiġrijiet minn tmienja u fi tnejn minnhom spiċċa waħda fit-tieni post u oħra fir-raba’ post biex temm dan il-kampjonat b’373 punt.
Muscat kien segwit minn David Dimech fuq mutur Honda li f’dan il-kampjonat ġab 306 punti.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt.