Wara biss seba’ xhur bħala kowċ ta’ Chapecoense Vagner Mancini tkeċċa mill-kariga.
L-iskwadra Brażiljana, fit-28 ta’ Novembru li għadda ntlaqtet minn inċident ikrah, meta ajruplan kkraxja, b’konsegwenza li mietu 71 persuna fosthom il-maġġoranza tal-plejers.
Xahar wara Chapecoense kienu ħatru lil Vagner Mancini biex jerġa’ jgħin lit-tim iqum fuq saqajh wara din it-traġedja imma r-riżultati li kiseb minn dakinhar ‘l hawn ma tantx kienu daqstant pożittivi.
L-affarijiet bdew tajjeb għal Chapecoense meta dawn rebħu l-Campeonato Catarinense imma dawn sfaw eliminati mill-Copa Libertadores wara li Mancini għamel użu minn plejer ineliġibbli.
Barra minn hekk, Chapecoense ġew anke eliminati mill-fażi tal-aħħar 16 tal-Copa do Brasil meta tilfu kontra Cruzeiro.
Issa se jkun l-assisent kowċ Emerson Cris li se jmexxi lit-tim.
Ta’ min jiftakar li l–edizzjoni ta’ din is-sena tat-Trofeo Gamper se tkun speċjali u differenti hekk kif Barcelona se jilqgħu fil-Camp Nou proprju lil Chapecoense.
Il-logħba se tintlgħab fis-7 ta’ Awwissu.