Lokali

FILMAT: Esebizzjoni mill-klieb, karozzi, banda u parata mill-Korp tal-Pulizija f’għeluq il-203 anniversarju

F'għeluq il-203 anniversarju, il-Korp tal-Pulizija tella' parata, mużika mill-banda u esebizzjoni tal-klieb

F’għeluq il-203 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija f’Malta – l-Erbgħa filgħodu fil-Belt Valletta ingħata bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq dan l-avveniment mid-diversi taqsimiet fil-Pulizija. Fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’Misraħ il-Ħelsien – l-ewwel li bdiet tallegra lill-pubbliku preżenti kienet il-banda tal-Korp tal-Pulizija b’diversi marċi quddiem il-Parlament.

netnews.com.mt ħa l-kumment tas-surmast tal-banda tal-Korp tal-Pulizija s-Supretendent Anthony Cassar, fejn tkellem dwar l-avvenimenti li se jiġu organizzati f’dawn il-jiem. Flimkien mal-banda, ingħaqdet ukoll is-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija b’ħamest t’iklieb juru l-kapaċitajiet tagħhom, dawk tal-ubbidjenza u l-aħilita’. Is-Surġent Matthew Attard tkellem dwar id-dimostrazzjoni li l-klieb tal-Pulizija għamlu quddiem il-pubbliku preżenti.

Fil-programm ukoll ħadu sehem l-uniku Precision Drill Team fl-Ewropa, dak tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta li ilu mwaqqaf mill-1988 b’21 Pulizija. netnews.com.mt ħa l-kumment tal-Ispettur Justin Camilleri. Matul l-attivitajiet quddiem il-Parlament ta’ Malta – i+ttellat ukoll wirja ta’ karozzi antiki li kienu jintużaw mill-Korp tal-Pulizija matul iż-żminijiet – fosthom kien hemm vettura tal-Fire Brigade tal-Korp tal-Pulziija.

Matul l-attivita’ l-Korp tal-Pulizija kien qiegħed jagħmel ġbir ta’ fondi għall-Community Chest Fund.