Lokali

FILMAT: Għada tiftaħ il-Fiera l-Kbira

Aktar minn 200 esebitur mill-Ħamis filgħaxija se jkunu qed jipparteċipaw f’edizzjoni oħra tal-Fiera l-Kbira li qed issir f’Montekristo Estates ġewwa Ħal Farruġ. Il-Fiera l-Kbira, li se jkollha attrazzjonijiet għall-familja kollha, miftuħa sas 16 ta’ Lulju.

Id-dettalji ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-organizzaturi Paul Abela, Reuben Caruana u Luke Gatt, flimkien ma’ Jennifer Sammut kif koll Liz Said f’isem il-GRTU.

Il-fiera se tkun mimlija b’diversi stands tal-esebituri, stands tal-ikel u stages li fuqhom se jkun hemm kant u mużika.

Il-fiera, li tiftaħ bejn is-6pm u l-11pm, qed toffri prodotti differenti li jinkludu fost l-oħrajn bibien, fireplaces, pannelli fotovoltajiċi, linef, sufanijiet u appliances. Din għalhekk qed titqies bħala pjattaforma għan-negozji ż-żgħar.

Hu mistenni li f’għaxart ijiem il-fiera tiġbed lejha mal-100,000 ruħ. Fost l-istands se jkun hemm ukoll esebituri mill-Ġermanja, Spanja u l-Italja.

Apparti dan kollu, il-Fiera l-Kbira se toffri Fun Park b’diversi logħob għat-tfal.

Id-dħul għal din il-fiera hu ta’ €2.50, filwaqt li kuljum se jkunu qed jintrebħu diversi premijiet sbieħ.

L-organizzaturi ħadu ħsieb ukoll li jkun hemm spazji ta’ parkeġġ f’diversi zoni f’Montekristo, filwaqt illi se jkun hemm ukoll servizz dirett b’shuttle service mill-Belt Valletta.