Lokali Parlament

Il-liġi setgħet kienet imħejjija ħafna aħjar…tħalli setturi mhux indirizzati

– Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li dan l-abbozz ta’ liġi seta’ kien preparat aħjar u seta’ kien hemm linja differenti minn dik li ttieħdet. Hu kompla li din mhix kwistjoni ta’ partiti u sostna li hu jaqbel li l-liġi timxi ‘l quddiem.

Meta kien qed jitkellem fil-parlamnet fid-dibattitu dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ, Carm Mifsud Bonnici qal li l-figura ta’ omm u missier għandhom jitħallew kif inhuma u m’għandhomx jiġu mdgħajfa propju f’Malta fejn l-omm hi sagra.

Mhux aċċettabbli li l-kliem omm u missier se jitneħħew mil-liġi. L-importanti mhux il-maġġoranza parlamentari iżda l-aċċettazzjoni tal-poplu. Jidher li hawn nuqqas ta’ qbil fost il-poplu li l-kliem omm u missier jitneħħew mil-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li issa qed jingħad li hawn tliet forom ta’ għaqdiet li għandhom varjetajiet legali li l-liġi mhix tindirizza.

Mhux feliċi li tinuża l-kelma konjuga jew konjugi, li hi indirizzata biss bejn il-miżżewġin tal-istess sess. Il-poplu qed jistenna ħafna iktar minn din il-liġi għaliex hemm ħafna sitwazzjonijiet li din il-liġi ma tidħolx fiha.