Lokali Parlament

Meħtieġa miżuri favur iktar nisa fil-politika

– Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono appellat biex tibda diskussjoni fil-parlament biex ikunu introdotti miżuri ġodda li jinkoraġixxu iktar nisa fil-politika.

Meta kienet qed titkellem fl-Aġġornament tal-parlament Kristy Debono qalet li għandna ferm ‘il bogħod milli jkollna numru b’saħħtu ta’ kandidatura ta’ nisa li jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali, li jokkupaw pożizzjonijiet għolja fi strutturi tal-partiti politiċi u allura r-rappreżentanza ta’ nisa fil-parlament. Din mhix rappreżentanza xierqa tal-popolazzjoni femminili ta’ pajjiżna.

L-istruttura parlamentari żgur ma tħajjarx in-nisa biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fid-dinja politika. Il-ħatra ta’ Julia Farrugia Portelli bħala segretarju Parlamentari responsabbli mir-riformi, tagħti tama, li bħala mara u bħala ġenitur tħares lejn il-ħtieġa li nibdew dibattitu pożittivament fuq riforma parlamentari tkun ta’ priorità.

Jidher li kien hemm qbil unanimu bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni li jkun hemm il-possibbilita’ li membri parlamentari ikollhom l-għażla li jkunu full-time. Dan issa għandu jsir u jiddaħħlu miżuri favur in-nisa.

Kristy Debono qalet li għandhom jibdew diskussjonijiet dwar possibbiltà ta’ tibdil fil-hinijiet li jitlaqqa’ l-Parlament biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Għandu jkun iffurmat kumitat parlamentari biex niddiskutu l-possibilta’ li l-parlament jitlaqqa’ f’ħinijet aktar diċenti.

Kristy Debono tkellmet dwar l-aħbar fejn jidher li 24 sit ġew identifikat biex tibda konsultazzjoni dwarhom biex isiru parti minn dominju pubbliku. Dan hu pass importanti fid-direzzjoni it-tajba u li s-sostennibilità ambjentali għandha tiġi mħarsa mill-aktar lenti oġġettiva u mingħajr kontroversji politiċi.

Siti li ġew nominati minn diversi eNGOs bħal ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’ u ‘Friends of the Earth’ u jinkludu siti bħal Manoel Island, Wied Garnaw, Villa Gwardamangia u Kemmuna. Fil-lista ta’ 24 siti jidher li Wied Għomor mhuwiex mniżżel bħala sit għar-rakommandazzjoni biex jiġi kkunsidrat bħala public domain.

Il-gvern għandu jagħti spjegazzjoni, għaliex dan il-wied ma kinx inkluż. Wied Għomor hu l-uniku pulmun f’żona fejn l-żvillupp hu konċentrat u qiegħed isir b’rata rampanti u allura l-qerda ta’ dan il-wied mhux biss tkun katastrofika għar-residenti tal-madwar pero daqqa għas-sosten ambjentali.

Nittama li d-decizjoni li Wied Ghomor jithalla barra, mhix kunsiderazzjoni politika, riżultat ta’ ftehim minn taħt ta’ qabel l-elezzjoni, qalet id-deputat Nazzjonalista.

Meta tkellmet dwar il-Kunsilli Lokali Kristu Debono qalet li dawn jeħtiġilhom ferm aktar għajnuna finanzjarja. Il-budget allokat għal-68 kunsill lokali għall-2017 hu ta’ €35.5 miljun. Dan ifisser li l-budget medju ta’ kull kunsill lokali hu ta’ €500,000 fis-sena.

B’dan il-budget il-Kunsill irid iwettaq il-hidma tieghu ta’ kull jum u jwettaq ħtiġijiet neċessarji bħal bankini u toroq. Hi realta’ li l-budget għat-68 lokalità fl-2016 żdied biss b’€500,000 fuq is-sena ta’ qabel li din is-sena żdied €2.5 miljun. Dan ifisser li ż-żieda medja lil kull kunsill fl-2016 kienet ta’ anqas minn €15,000 fis-sena u fl-2017 anqas minn €50,000 fis-sena

Kristy Debono qalet li ċertu lokalitajiet jbatu konsegwenzi tal-influss turistiku u tal-fatt li huma viċin Paceville, bħas-Swieqi fejn is-sigurtà tar-residenti qed tiġi mhedda bil-budget għalihom hu biss ta’ €600,000 fis-sena. Il-Kunsill ma jistax ilaħħaq mad-dmirijiet tiegħu b’dan l-ammont, sostniet Kristy Debono.

Hi qalet li kienet se tara li fil-gaming, fit-teknoloġija, fl-innovazzjoni u fis-servizzi finanzjarja ma tidħolx f’kontroversja politika bla bżonn u ma ndawrux dan is-settur kruċjali f’xi ballun politiku. L-Opożizzjoni tassigura li l-kunsens politiku f’dan is-settur se jinżamm u tkun kostruttiva, propożittiva u pożittiva.