Ir-rilokazzjoni taż-żona tal-iscreening tas-sigurtà għal post temporanju fl-ewwel sular, wasslet għal aktar effiċjenza fil-proċess tal-iscreening tas-sigurtà fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Minkejja li l-ispazju li qed jakkomoda din iż-żona huwa wieħed temporanju, sakemm tinfetaħ żona tas-sigurtà permanenti maġenbu s-sena li ġejja, dan diġà huwa ġa akbar miż-żona tal-iscreening tas-sigurtà oriġinali tal-ajruport.
Ir-rilokazzjoni ta’ din iż-żona mill-pjan terran tat-terminal għal spazju temporanju fl-ewwel sular saret fis-27 ta’ Ġunju fi tranżizzjoni li mxiet skont il-pjan. Preżentement qed jiġi kkummissjonat l-apparat tas-sigurtà ta’ din iż-żona, però dan għandu biss impatt limitat fuq l-ipproċessar tal-passiġġieri.
Il-Kap tas-Sigurtà tal-MIA Patrick Murgo qal li l-prijorità dejjem kienet, u tibqa’, is-sigurtà tal-passiġġieri.
Iż-żona tas-sigurtà temporanja l-ġdida hija mgħammra bl-aktar teknoloġija moderna inklużi magni tal-X-ray, sistemi ta’ ritorn tat-trejs u aktar lanes biex ikun hemm anqas kjuwijiet. Din l-infrastruttura diġà wasslet għal titjib fl-ipproċessar tal-passiġġieri u żieda fl-effiċjenza. Fl-ewwel ġimgħa ta’ operat ta’ din iż-żona l-ġdida, ġew ipproċessati sa 1,200 passiġġier fis-siegħa meta mqabbel ma’ 800 passiġġier fl-istess ħin bis-sistema ta’ qabel.
It-titjib u r-rilokazzjoni taż-żona tal-iscreening tas-sigurtà huma l-qalba ta’ investiment ta‘ €12-il miljun f‘rikonfigurazzjoni tat-terminal. Dan il-proġett jinkludi wkoll sala tal-VIPs b’veduti mill-aqwa tal-mitjar fit-tielet sular u gallerija tal-osservazzjoni b’dehra ġdida li hija miftuħa għall-pubbliku.
//= $special ?>