Assoċjazzjoni li tirrappreżenta grupp ta’ ħaddiema tal-Air Malta li jaħdmu fiċ-ċentru tal-kontroll bdiet azzjonijiet industrijali fl-Air Malta.
L-Assoċjazzjoni tal-Airline Operations Controllers trid tkun rikonoxxuta bħala l-Union li tirrappreżenta l-Operations Controllers, iżda dan ir-rikonoxximent għadu ma wasalx peress li l-GWU qed tgħid li tirrappreżenta l-ħaddiema hi.
B’konsegwenza, u wara li rreġistrat tilwima għal darba, darbtejn, issa, l-Assoċjazzjoni tal-Airline Operations Controllers qed tirrikorri għall-azzjonijiet industrijali.
Imma l-Air Malta kkritikat l-azzjonijiet industrijali u qalet li dawn jistgħu jwaqqfu ħesrem l-operat tal-kumpanija, bl-Air Malta tiddeskrivi l-azzjonijiet bħala “irresponsabbli u illegali”, waqt li tgħid li l-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent għandha tiġi deċiża mit-Tribunal Industrijali.
Imma bi stqarrija bħala risposta, l-Assoċjazzjoni qalet li diġa kien hemm proċess ta’ verifika mid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali, li kkonkluda li l-Assoċjazzjoni għandha tingħata rikonoxximent skont il-liġi; deċiżjoni li għadha ma ġietx rispettata mill-Air Malta. L-Assoċjazzjoni qed tgħid ukoll li huwa inaċettabbli li jintużaw dawn l-aġġettivi meta Union leġittima, b’kawtela, qed teżerċita dritt mgħoti lilha bil-liġi, u dan wara li ilha mill-2015 titlob li tiġi rikonoxxuta.
L-Erbgħa saret laqgħa bejn l-Assoċjazzjoni, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Air Malta, fejn il-partijiet iddiskutew il-kwistjoni. Imma fi tmiem il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni, l-Assoċjazzjoni qalet li huwa evidenti li biex tiġi aġevolata l-GWU, l-Air Malta qed tabdika mir-responsabilitajiet legali tagħha.
Fl-istess waqt, l-Air Malta qalet li kemm hi kif ukoll il-Gvern se jkunu qed jilqgħu bil-mezzi kollha possibbli għall-azzjonijiet industrijali, bl-Air Malta tgħid li l-assoċjazzjoni se tinżamm responsabbli għall-azzjonijiet estremi bħal dawn f’dan il-mument kruċjali tal-kumpanija u fl-eqqel tal-istaġun turistiku.
Sadanittant, b’rabta mal-azzjonijiet industrijali mill-Operations Controllers, l-Air Malta ħabbret li x-xogħol li normalment jiġi mmaniġjat miċ-ċentru tal-kontroll tal-operat tal-Air Malta, beda jiġi mogħti minn operatur privat. B’mod, li skont l-Air Malta, is-servizzi kollha inklużi t-titjiriet kollha, qed joperaw b’mod normali.
Intant, anke l-Assocjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, fi stqarrija kkritikat l-azzjonijiet industrijali, u qalet li dawn jistghu jaghmlu hsara lill-ekonomija. Stqarrija simili ta’ kundanna għall-azzjonijiet industrijali nħarġet mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem.
//= $special ?>