Il-Pulizija jinsabu fuq allert u lesti għal kollox hekk kif illejla Floriana jilqgħu f’pajjiżna lis-Serbi ta’ Red Star Belgrade.
Dan hekk kif, fost il-messaġġi mħażża madwar Malta mis-Serbi f’pajjiżna fl-aħħar sigħat hemm ukoll il-kitba ‘You are all fools’; proverbju antik Serb li l-partitarji ta’ Red Star adottaw biex jużawh bħala offiża lill-avversarji ta’ Partizan Belgrade.
Net News waslitlu informazzjoni ġdida malli lbieraħ dan is-sit ippubblika l-istorja li s-Serbi qajmu ħerba f’San Pawl il-Baħar. Wara din l-istorja u raporti li saru mir-residenti, il-Pulizija bagħtu skorta ssegwi folla ta’ madwar 30 Serb li kienu qed iduru mal-lokalità, iwettqu vandaliżmu u joffendu lir-residenti.
Dan hekk kif persuni qrib il-komunità Serba f’pajjiżna spjegawlna li aktarx mal-partitarji Serbi hawn nies qrib ħafna ta’ Ivan Bogdanov, l-ultra Serb rinomat għal kemm-il darba ġie arrestat u kien involut f’ħafna mill-episodji ta’ vjolenza u vandaliżmu fil-futbol fuq livell internazzjonali.
Normalment is-Serbi jqisu l-logħob tal-futbol bħala l-mezz ideali ta’ protesta fejn permezz tal-atti tagħhom jakkwistaw fama internazzjonali u jwasslu l-messaġġ li jridu. Barra minn hekk hu fatt magħruf li fil-mira tagħhom is-soltu jkun hemm mhux biss l-avversarji tal-futbol, imma wkoll dawk politiċi u persuni minn pajjiżi oħra li kontrihom pajjiżhom kien involut fi gwerer.
Għalkemm mhux magħruf x’kienet ir-raġuni, illum wara nofsinhar kellu jingħalaq ukoll l-istabbiliment Munchies wara li grupp ta’ dawn il-partitarji qalgħu ġlieda kbira tant li fil-post issejħu erba’ vetturi tal-Pulizija u saru wkoll xi arresti.
Kull meta ġew f’pajjiżna minħaba l-futbol, il-partitarji Serbi qalgħu jew ippruvaw jaqilgħu l-inkwiet. Fost l-organizzaturi tal-inkwiet f’pajjiżna fil-passat, hemm Serb li kien inqabad mill-Pulizija waqt li jbiegħ it-torti li jagħmel f’daru, mingħajr permess u mingħajr ma jħallas taxxi.
Dan is-Serb, arrestat fl-2016, kien ilu mfittex mill-Pulizija għal erba’ snin minħabba akkużi li qajjem l-inkwiet fil-logħba taċ-Champions League bejn Valletta u Partizan Belgrade. Suspettat ukoll li kien qed jippjana l-ġlied fil-logħba bejn Red Star Belgrade u Valletta, liema ġlieda kienet sfaxxat.
Issa, bil-messaġġi mħażża fil-konfront tal-avversarji ta’ Partizan Belgrade, il-Pulizija tinsab fuq allert minħabba r-riskju ta’ tensjoni bejn il-partitarji ta’ Red Star u dawk ta’ Partizan. Hu fatt magħruf li minn dawn tal-aħħar hawn ammont imdaqqas, inkluż ħafna bouncers li jaħdmu f’Paceville.
Il-logħba ta’ llejla bejn Red Star Belgrade u Floriana tintlagħab fid-20.30, fil-Hibs Stadium.
//= $special ?>