Lokali

Fi żmien il-kampanja elettorali ngħataw mad-900 promozzjoni fl-AFM u fil-Korp tal-Pulizija

Dan ħareġ minn tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li għamel il-Viċi Kap tal-PN Mario De Marco

Bejn l-1 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju ngħataw mad-900 promozzjoni fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta u fil-Korp tal-Pulizija. Jiġifieri fil-perjodu li tħabbret l-elezzjoni ġenerali sa ġurnata qabel jum il-votazzjoni.

Dan ħareġ minn tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saret mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco, lill-Ministru li issa hu responsabbli mill-Ministeru tal-Intern, Michael Farrugia.

Il-Ministru Farrugia qal li dawn il-promozzjonijiet saru taħt tlett eżerċizzji ta’ promozzjonijiet mill-Forzi Armati ta’ Malta, skont il-liġi. Qal wkoll li l-promozzjonijiet bdew minn Ottubru tas-sena l-oħra u ġew konklużi xahrejn ilu. Kien hawn imbgħad fejn semma kif eżerċizzju simili mistenni jsir f’Ottubru ta’ din is-sena wkoll.

Kien hemm imbgħad mas-16-il promozzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija bejn 1 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju. Promozzjonijiet li ngħataw lil kuntistabbli promossi għal surġenti.

Kien hemm imbgħad promozzjoni waħda f’Mejju ta’ din is-sena fis-servizzi sigrieti.

F’mistoqsija Parlamentari oħra li saret ntalab l-ammont ta’ promozzjonijiet din id-darba bejn Jannar u Mejju tal-2013. F’dak il-perjodu, ngħatat promozzjoni waħda fi ħdan il-korp tal-Pulizija.