Kultura Lokali Mużika

FILMAT: Pass eqreb biex il-ħolma ta’ Bjorn issir realtà… b’kunċert minn Ivan Grech

Il-qliegħ kollu mill-kunċert se jmur għal ALS Malta u l-proġett tad-dar għal persuni bl-ALS

Il-kantant Ivan Grech se jirritorna din is-sena b’kunċert mużikali, bid-differenza din is-sena se tkun li l-flus kollha mill-kunċert se jmorru għall-ALS Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, akkumpanjat mill-fundatur ta’ ALS Malta Bjorn Formosa, Ivan Grech tkellem dwar dan il-kunċert, li se jsir fit-18 ta’ Lulju f’Ta’ Liesse.

F’kummenti ma’ NET News, Ivan Grech spjega għaliex l-għażla ta’ fejn se jmorru l-flus waqgħet fuq Bjorn u l-ALS.

“Bjorn kien staqsieni s-sena l-oħra u ma stajtx u vera baqgħet ġo qalbi u kien diżappuntat, u dis-sena ridt inpattiha. Allura ddeċidejt li kull sold li se jidħol mill-biljetti, se jmur għal ALS Malta, għal Bjorn,” qalilna Ivan Grech.

U l-kunċert ta’ Ivan Grech se jkompli jgħin lil Bjorn iwettaq l-aħħar ħolma tiegħu. Dik li tinbena dar apposta għal min ibati bl-ALS. U għalkemm ix-xogħol u l-ippjanar fuq din id-dar għaddej, Bjorn jispjega li xorta fadal xi jsir.

“Għandi data f’moħħi ta’ meta nixtieq li ninawguraw id-dar, iżda għalissa se nżommha sorpriża,” qalilna Bjorn, li żied li jixtieq li d-dar tibda tilqa’ r-residenti fiha minn din is-sena.

Il-biljetti għall-kunċert ta’ Ivan Grech se jkunu jiswew €15 u €25 u l-flus se jmorru kollha għall-ALS. L-ispejjeż tal-kunċert se jkunu koperti minn numru kbir ta’ sponsors li qed jikkollaboraw mal-kantant Ivan Grech.