Fi stqarrija l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà qed tappella lill-pubbliku biex ma jagħtix flus lil persuni li qed jgħidu li għandhom xi forma ta’ diżabilità, fosthom anki li huma neqsin mis-smigħ, li issa qed jintlemħu jittalbu f’diversi bnadi madwar Malta.
L-istess Kummissjoni flimkien mal-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ qalu li l-persuni b’diżabiltà ma jħossux li jiksbu ħajja xieraq u dinjituża billi jittalbu għall-flus, iżda billi jkollhom aċċess għal numru ta’ servizzi li jpoġġuhom f’kundizzjoni aħjar, b’hekk ikunu qed jgħixu b’mod dinjituż.
Fl-istess stqarrija l-Kummisjoni qalet li ilha bosta snin taħdem sabiex il-persuni b’diżabiltà jgawdu drittijiet l-istess mal-bqija ta’ kull ċittadin ieħor, u huwa għalhekk li qed tinkoraġixxi lill-pubbliku sabiex minflok jagħtu l-flus lil dawn il-persuni, jagħtu l-għajnuna billi jċemplu fuq freephone 153 jew billi jibgħatu sms fuq 79988555. Hemm huma se jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa fuq dan biex b’hekk jissaħħaħ il-ħsieb tad-dritt u mhux tal-karità.
//= $special ?>