Hekk kif ninsabu inqas minn sena bogħod mill-bidu tat-Tazza tad-Dinja l-Ġermanja, li huma l-holders qed ikomplu juru l-qawwa tagħhom u fi tmiem din il-ġimgħa żiedu tforew ieħor fil-vetrina tagħhom.
Dan hekk kif il-Ħadd li għadda rebħu għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet meta fil-finali għelbu liċ-Ċili 1-0. Dan is-suċċess wasal tliet snin wara li huma kienu rebħu t-Tazza tad-Dinja fil-Brażil (meta dakinhar saru l-ewwel tim fl-istorja li qatt rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-Amerika t’Isfel) u jumejn wara li t-tim ta’ taħt il-21 sena rebaħ il-Kampjonat Ewropew.
Is-suċċess li kiseb it-tim ta’ taħt il-21 sena ġimgħa ilu kien wieħed ftit xejn mistenni minħabba li Spanja, l-avversarji tagħhom fil-finali, bdew bħala l-favoriti.
Jekk wieħed janalizza l-wirjiet tat-tim Ġermaniż waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet ikompli jirrealizza kemm il-kowċ tat-tim Joachim Loew għandu għażla vasta la darba tasal sena oħra. Qabel ma beda t-turnament fir-Russja kien hemm min ikkritika lill-istess Loew minħabba li ħalla diversi plejers titulari barra mill-iskwadra bil-għan li jesperimenta bi plejers oħra.
Hu sejjaħ tmien plejers li twieldu fl-1994 jew wara u dan juri kemm it-tim Ġermaniż li kkompeta fir-Russja kien wieħed żagħżugħ. Fost dawn kien hemm Joshua Kimmich, Matthias Ginter, Emre Can, Julian Brandt, Leon Goretzka u Timo Werner. Iż-żmien ta raġun lil Loew u t-tim rebaħ it-turnament li jsir bi tħejjija għat-Tazza tad-Dinja.
Meta wieħed jiftakar li Loew ħalla plejers bħal ma huma Manuel Neuer, Mesut Ozil, Toni Kroos, Thomas Muller u Mats Hummels barra jkompli jifhem għaliex il-Ġermaniżi se jkunu qed jibdew it-Tazza tad-Dinja bħala l-akbar favoriti għar-rebħ tal-unur.
Wara li rebħu t-Tazza tad-Dinja ta’ tliet snin ilu rtiraw diversi plejers bħal ma huma Bastian Schweinsteiger, Philipp Lahm, Miroslav Klose, Lukas Podolski u Per Mertesacker u minkejja dan kollu l-pajjiż qed ikompli jiġġenera plejers li kapaċi jġibu s-suċċess.
Missjoni diffiċli
Issa l-Ġermanja għandhom biċċa xogħol oħra la darba rebħu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. Huma se jkunu qed jippruvaw isiru l-ewwel tim li jirbaħ it-Tazza tad-Dinja wara li sena qabel ikun rebaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.
L-ewwel edizzjoni tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet (li dakinhar kienet għadha tissejjaħ ‘King Fahd Cup’) saret fl-1992 u minn dakinhar ‘l hawn kull min rebaħ it-trofew ma rebaħx it-Tazza tad-Dinja.
Madankollu żgur li bil-kwalità li għandhom il-Ġermanja kapaċi jsiru l-ewwel tim li jkun bidel din it-tradizzjoni negattiva tas-‘seħta’ li jġib miegħu suċċess f’din il-kompetizzjoni.
Barra min hekk, jekk sena oħra l-Ġermanja jirbħu t-Tazza tad-Dinja jsiru l-ewwel tim sa mill-1962 li jkun rebaħ l-edizzjoni għal darbtejn infila.
Il-Brażil kienu għamlu dan meta wara li rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-1958 (fil-finali għelbu lill-Iżvezja), erba’ snin wara rebħu l-edizzjoni meta fil-finali għelbu liċ-Ċekoslovakkja. Aktar qabel kien hemm tim ieħor li għamel dan, l-Italja.
Fl-1934 l-Italja wkoll kienu għelbu liċ-Ċekoslovakkja fil-finali tat-Tazza tad-Dinja u erba’ snin wara rebħu l-kompetizzjoni meta fil-finali rebħu kontra l-Ungerija.
Bla dubju, wieħed jista’ jgħid li dakinhar kienet aktar faċli għat-timijiet li jirbħu l-kompetizzjoni minħabba li n-numru tal-parteċipanti kien ferm anqas.
//= $special ?>