Lokali Qorti

Il-każ dwar kumpens għall-vittmi ta’ abbuż sesswali: Jixhed l-Arċisqof wara bibien magħluqa

L-Arċisqof ta’ Malta, Mgr Charles Scicluna illum xehed fil-Qorti fil-proċeduri ċivili miftuħa minn 10 vittmi ta’ abbużi sesswali minn qassisin.

Madanakollu, hekk kif l-Arċisqof tela’ fuq il-pedana tax-xhieda, il-ġurnalisti kienu mitluba mill-Imħallef Mark Chetcuti biex joħorġu mill-Awla għaliex il-każ qed jinstema bil-magħluq.

Żewġ eks qassisin, Carmelo Pulis u Godwin Scerri, qed iservu sentenza ta’ ħabs wara li nstabu ħatja fi proċeduri kriminali separati li abbużaw minn 11-il tifel f’Dar San Ġużepp.

F’Marzu ta’ din is-sena, il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet il-kawża tal-vittmi għar-rekuża tal-Imħallef Joseph Micallef milli jisma’ l-każ minħabba d-dubju ta’ nuqqas ta’ imparzjalita’ minħabba r-rwol tiegħu bħala President ta’ Radju Marija.

Il-Qorti qalet li għalkemm ma kien hemm ebda rabta bejn ir-radju u l-arċidjoċesi u r-rwol tal-Imħallef bħala President hu distint minn dak tad-direttur tal-programmi, hemm il-perċezzjoni ta’ rabta bejn l-istazzjon tar-radju u l-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta.

Għaldaqstant il-Qorti ordnat biex il-każ ikompli jinstema’ quddiem Imħallef ieħor biex ma jkunx hemm l-iċken dubju u fl-interess tal-ġustizzja

L-Avukati Patrick Valentino u Franco Vassallo qed jidhru għall-vittmi.