Il-Kmandant tal-hekk-imsejħa Armata Nazzjonali tal-Libja qal li l-qawwiet tiegħu illiberaw lill-belt Libjana ta’ Benghazi wara snin ta’ ġlied mal-milizzji Iżlamiċi.
Il-Field Marshal Khalifa Haftar, li jmexxi din l-Armata, qal ukoll li l-belt ta’ Benghazi, li tinsab lejn il-Lvant tal-Libja, issa dieħla f’era ġdida ta’ ‘paċi, sigurtà u rikonċiljazzjoni’.
F’każ ta’ konferma minn sorsi indipendenti, ir-rebħa rappurtata f’Benghazi għandha titqies bħala pass kbir ‘il quddiem għal Haftar, li snin ilu kien Kmandant fl-Armata tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi. L-Armata ta’ Haftar, intant, mhix rikonoxxuta mill-Gvern Libjan li jgawdi l-għarfien tan-Nazzjonijiet Uniti u li għandu s-sede fi Tripli.
L-inkwiet li ilu għaddej fil-Libja mindu tqaċċat it-reġim ta’ Gaddafi fl-2011 u fejn numru ta’ organizzazzjonijiet estremisti – fosthom it-terroristi tal-ISIS – setgħu jikkonsolidaw il-pożizzjonijiet rispettivi fid-diversi bnadi tal-pajjiż.
Sadanittant, Khalifa Haftar, issa, qed jgħid li ‘in-nies ta’ Benghazi jistgħu jħossuhom ħielsa’ wara ‘t-taqbida kontinwa kontra t-terroriżmu u l-aġenti tiegħu li damet aktar minn tliet snin’.
L-aħbar segwiet sensiela ta’ battalji mdemmija li seħħew, jiem ilu, fl-inħawi ta’ Sabri, li hu distrett ta’ Benghazi. F’dan il-ġlied kienu tilfu ħajjithom għexieren ta’ ġellieda tal-Armata ta’ Haftar flimkien ma’ diversi militanti Iżlamiċi.
Intant, ħarġu ritratti fuq il-media soċjali li juru liċ-ċivili ta’ Benghazi qegħdin jiċċelebraw it-tmiem ta’ konflitt qalil li qered partijiet kbar tat-tieni l-aktar belt importanti fil-Libja. L-istess konflitt ħalla wkoll eluf ta’ refuġjati f’dawn l-aħħar snin.
Hu minnu wkoll li Khalifa Haftar għandu ħafna avversarji politiċi u armati fil-Libja.
Dan meta Haftar ma jirrikonoxxix lill-Gvern ta’ Tripli u, minflok, qed jappoġġja lill-awtoritajiet Libjani (li huma rivali diretti tal-awtoritajiet fi Tripli) lejn il-Lvant tal-Libja.
Hemm anki wħud fost l-avversarji ta’ Haftar li qegħdin jakkużawh rigward ‘attentati biex jimponi t-tmexxija awtokratika fil-Libja’. Dan meta qed jingħad li l-Kap tal-Armata Nazzjonali tal-Libja qed igawdi wkoll l-appoġġ ta’ ‘xi poteri barranin’.
//= $special ?>