Internazzjonali

Il-Polonja: Twissija dwar il-futur taċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa li l-futur taċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent jinsab ‘imdendel fin-nofs’ meta hu għamel diskors importanti f’Varsavja, il-belt kapitali tal-Polonja. Trump, f’dan il-każ, enfasizza t-theddida tat-‘terroriżmu’ u l-‘estremiżmu’, filwaqt li rrefera għall-Polonja bħala eżempju ta’ pajjiż li lest biex jiddefendi l-libertajiet tal-Punent.

Il-Mexxej Amerikan anki kkritika lir-Russja waqt li ħeġġeġ biex Moska ‘tissieħeb fil-komunità ta’ pajjiżi responsabbli’.

Trump mar il-Polonja qabel is-summit tal-G20 li qed ikun organizzat fil-belt Ġermaniża ta’ Hamburg. Hu, intant, indirizza folla enormi  li nfirxet madwar il-monument iddedikat lir-Rewwixta tal-1944 (fil-belt ta’ Varsavja) fi Pjazza Krasinski. Dan meta l-Gvern Konservattiv tal-Polonja għandu l-istess ‘idea ostili’ bħal Trump rigward l-immigrazzjoni, bil-Pollakki jħaddnu sens qawwi ta’ sovranità.

Il-President Trump qal li l-esperjenza tal-Pollakki tfakkar lil kulħadd li d-difiża tal-Punent ma tiddependix biss fuq il-mezzi iżda anki fuq ir-rieda tal-poplu li jilħaq it-tragward. Hu rrefera wkoll ‘għad-domanda fundamentali ta’ jekk il-poplu tal-Punent, illum, għandux ir-rieda li jegħleb l-isfidi u l-ostakoli ta’ quddiemu’.

Hawnhekk, Trump stieden lir-Russja ‘biex ma tkomplix tiddistabbilizza lill-Ukrajna’ filwaqt li ‘titira l-appoġġ tagħha għal reġimi ostili li jinkludu dawk tal-Iran u s-Sirja’. Dan bil-għan li r-Russja ‘tingħaqad mal-komunità ta’ pajjiżi li qed jiġġieldu kontra avversarji komuni filwaqt li jiddefendu l-kunċett taċ-ċivilizzazzjoni’.

Il-President Amerikan għandu jiltaqa’għall-ewwel darba mal-President Russu, Vladimir Putin, f’Hamburg. Fl-aħħar sigħat, kelliema għall-Kremlin ta’ Moska qalu li l-Presidenza Russa ma taċċettax li pajjiżha ‘qed jiddistabbilizza r-reġjun tagħha’.

Intant, il-President Trump  għamilha ċara li l-alleanza qawwija tal-Istati Uniti mal-Polonja u n-NATO tibqa’ waħda kritika bħala deterrent għall-konflitt. Hu tkellem ukoll dwar is-Sirja fejn sostna li ‘kwalunkwe pajjiż li jagħti valur lill-ħajja umana ma jista’ qatt jittollera l-użu tal-armi kimiċi’.