Internazzjonali

Il-Veneżwela: Deputati f’Caracas imsawwtin mill-folla

Numru ta’ deputati parlamentari Veneżolani spiċċaw imsawwtin taħt idejn folla ta’ ‘il fuq min 100 sostenitur tal-Gvern li daħlu fl-Assemblea Nazzjonali ta’ Caracas li hi kontrollata mid-deputati tal-Oppożizzjoni.

Ix-xhieda fl-inħawi qalu li l-konfront seħħ wara sessjoni fl-istess Assemblea li kienet fakkret Jum l-Indipendenza tal-Veneżwela.

Il-Gvern tal-Veneżwela, intant, impenja ruħu biex jinvestiga ċ-ċirkustanzi, fost rapporti li l-pulizija militari preżenti barra s-sit tal-Assemblea ‘baqgħu jħarsu’ fil-ħin meta l-folla – li kienet tinkludi nies armati bl-injam u l-pajpijiet tal-ħadid – għaddiet bil-forza mill-grada ewlenija qabel infexxet fil-vjolenza.

Madwar 350 persuna – fosthom ġurnalisti, studenti u viżitaturi — damu sigħat fi stat ta’ assedju waqt li l-folla attakkat lid-deputati tal-Oppożizzjoni. Intant, numru ta’ feruti, inklużi deputati, aktar tard, kellhom jingħataw it-trattament mediku wara li spiċċaw imsawwtin bla ħniena.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, ħareġ messaġġ ċar fejn qal li hu ‘mhux se jkun kompliċi f’atti ta’ vjolenza’.

Il-Veneżwela ilha x-xhur ‘paralizzata’ minn sensiela ta’ protesti vjolenti u meta hi, bħalissa, għaddejja minn kriżi ekonomika. Intant, l-Istati Uniti kkundannat l-aħħar atti vjolenti f’Caracas li fissrithom bħala ‘attakk fuq il-prinċipji demokratiku tal-poplu Veneżolan’.