Lokali

‘Ivan the Terrible’ fost il-partitarji li jinsabu f’Malta … magħruf għall-ġlied u l-inkwiet

L-ultras magħruf Ivan Bogdanov, li hu rinomat għall-kaos li jqajjem waqt logħob tal-futbol ta’ Red Star Belgrade kif ukoll tat-tim nazzjonali Serb, jinsab f’pajjiżna u kien fil-Hibs Stadium għal-logħba kontra Floriana FC.

Magħruf bħala “Ivan the Terrible” jew “The Beast of Genoa”, hu l-persuna li bl-aġir tiegħu ta’ kap tal-ultras, kien wassal biex il-logħba bejn l-Italja u s-Serbja ġiet sospiża fl-2010 wara biss 6 minuti.

Xi żmien wara, Red Star lagħbu kontra Chornomorets Odessa, fl-Europa League, fejn inqalgħet ġlieda li għaliha kien preżenti wkoll Bogdanov.

Is-sena li għaddiet, f’logħba ta’ kwalifikazzjoni bejn is-Serbja u l-Albanija, hu kien wieħed mill-persuni li nvadew il-grawnd wara li waddbu xita ta’ siġġijiet, flares u karti bomba.

Ivan kien arrestat l-aħħar bejn l-2012 u l-2013, iżda dan hi biss sentenza waħda minn sensiela li rċieva għall-azzjonijiet tiegħu matul is-snin.

Fortunatament il-logħba f’pajjiżna ntemmet b’wiċċ il-ġid, mingħajr inċidenti partikolari, iżda l-Pulizija għadhom fuq allert minħabba inċidenti li jistgħu jinqalgħu matul il-lejl. Dan wara jumejn ta’ vandaliżmu u ġlied fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar fost l-oħrajn.