Matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt jingħata bidu għall-14-il edizzjoni tal-CONCACAF Gold Cup fejn għal darba oħra mistennija sfida qawwija bejn il-Messiku u l-Istati Uniti, anke jekk dawn, din id-darba, mhux se jkunu qed jikkompetu bl-aqwa timijiet tagħhom.
Il-CONCACAF Gold Cup hi kompetizzjoni li ssir kull sentejn u l-aħħar edizzjoni kienet intrebħet mill-Messiku meta dakinhar, fil-finali kienu għelbu lill-Ġamajka 3-1.
Il-kompetizzjoni tibda bil-partita ta’ matul il-lejl li ġej bejn French Guiana u l-Kanada u wara tintlagħab il-logħba bejn il-Honduras u l-Costa Rica.
It-turnament, li fih għandu 12-il tim se jintlagħab f’14-il grawnd madwar l-Istati Uniti bil-finali ssir fis-26 ta’ Lulju.
L-Istati Uniti, taħt it-tmexxija ta’ Bruce Arena se jippruvaw ipattu għad-disfatta ta’ sentejn ilu meta dakinhar sfaw eliminati mis-semifinali.
Sa minn meta dan it-turnament beda, fl-1991, il-Messiku u l-Istati Uniti rebħu kull edizzjoni ħlief dik tas-sena 2000 meta dakinhar kienu l-Kanada li rebħu t-turnament.
Din is-sena, kemm Bruce Arena kif ukoll Juan Carlos Osorio, kowċ tal-Messiku, għażlu li jħallu diversi plejers titulari barra għax qed jippreferu li jiffukaw fuq il-partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
L-Istati Uniti ilhom dawn l-aħħar xhur iħejju għal dan it-turnament filwaqt li l-Messikani għadhom kemm temmew fit-tielet post fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.
Grupp A: Honduras, Costa Rica, French Guiana, Kanada
Grupp B: Stati Uniti, Panama, Martinique, Nicaragua
Grupp Ċ: Messiku, El Salvador, Curacao, Ġamajka