Lokali

KONFERMATA L-ISTORJA TA’ NET NEWS: Arrestati b’kollox tliet persuni

Arrestat raġel Rumen f'San Ġiljan u tnejn oħra fil-Belt

Storja żvelata minn Net News dwar logħob tal-imħatri illegali tikkonferma li l-Pulizija fl-aħħar 24 siegħa arrestat mhux biss Rumen iżda anke żewġ persuni oħra mil-Lvant tal-Ewropa.

Ilbieraħ għall-ħabta tal-1000am, il-Pulizija mill-Għassa tal-Belt Valletta, osservaw persuni fid-daħla tal-Belt illi qajjmu suspett.

Ftit tal-ħin wara, l-Pulizija osservaw tnejn minn dawn il-persuni li waqqfu, ħarġu tapit, tliet kaxxi u ballun żgħir u wieħed minnhom beda jħajjar lin-nies jilgħabu din il-logħba illegali biex jinstab il-ballun moħbi taħt il-kaxxi.

Iż-żewġt irġiel li huma mil-Maċedonja u r-Rumanija ġew arrestati mill-Pulizija.

Aktar tard għall-ħabta tal-2145pm il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan ġew infurmati li fi Triq San Ġorġ kien hemm persuna li qed tħajjar lin-nies biex jilgħabu din l-istess logħba.

Il-Pulizija marru fil-post fejn instab raġel Rumen, li jikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ngħatat. Ir-raġel ġie arrestat, filwaqt li t-tapit, it-tliet kaxxi u l-ballun ġew elevati. Jidher illi fuq ir-Rumen instab illi kien hemm mal-€150 fi flus kontanti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta maż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.

Net News hu nfurmat illi l-vittmi ta’ dawn il-barranin huma l-persuni li jilgħabu b’mod ġenwin għaliex jaħsbu li qed jagħmlu imħatra f’ċirkostanzi normali. Investigazzjonijiet mill-Pulizija qed juru li dan il-logħob qed isir bi skop ċar sabiex jinsterqu dawk li qed jagħmlu l-imħatri.