Internazzjonali

L-Amnesty International joħroġ b’akkużi dwar l-imwiet ta’ immigranti fil-Mediterran

Il-grupp Amnesty International, li jħares id-drittijiet umani, qal li ż-żieda fl-imwiet tal-immigranti fiċ-ċentru tal- Mediterran hi dovuta għal ‘aspetti ta’ politika li ma rnexxewx’ min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

Rapport minn Amnesty tenna li ‘sensiela ta’ ftehim ċiniċi’ mal-Libja wasslu biex eluf ta’ immigranti u refuġjati jissugraw li jmutu mgħarrqin inkella jisfaw vittmi ta’ stupru u tortura.

Skont l-Amnesty, l-Unjoni Ewropea ‘qed iddawwar wiċċha ‘il hinn’ għall-abbużi li qed isiru ġewwa ċ-ċentri tad-detenzjoni fil-Libja. Qed ikun anki allegat li l-UE, fil-parti kbira, qed ‘tgħaddi r-responsabbiltà’ lill-entitajiet karitatevoli li jieħdu ħsieb is-servizzi tas-salvataġġ fuq il-baħar biex isalvaw ‘huma’ il-ħajja tal-immigranti.

L-Amnesty kompla li, din is-sena, mietu ‘il fuq minn 2,000 persuna waqt il-vjaġġi perikolużi mill-Mediterran lejn l-Ewropa.

Min-naħa tagħha, l-UE ma ħarġet l-ebda kummenti pubbliċi dwar ir-rapport ta’ Amnesty, meta l-Ministri għall-Intern tal-pajjiżi-membri tal-Unjoni kienu qed jiltaqgħu f’Tallinn, il-kapitali tal-Estonja, biex jiddiskutu l-kriżi tal-immigranti. Il-Ministri kellhom jevalwaw pjan ta’ azzjoni li se tiswa ‘il fuq minn 80 miljun ewro u li kienet introdotta mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tikkonfronta l-kriżi umana fil-Mediterran.