L-Istati Uniti wissiet li, f’każ ta’ bżonn, tinsab lesta biex tuża l-forza militari konsiderevoli tagħha kontra l-Korea ta’ Fuq.Din it-twissija hi reazzjoni għall-aħħar aġir aggressiv min-naħa tar-reġim ta’ Pyongyang li kompla jirranka t-tensjoni fil-peniżola Koreana u madwar l-kontinent tal-Asja.
Il-Korea ta’ Fuq, nhar it-Tlieta, qalet li rnexxitilha l-prova ta’ missila ballistika interkontinentali li skont hi tista’ tolqot anki lill-Istati Uniti. Il-prova saret bi sfida għall-projbizzjoni li qed jinsisti dwarha l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u issa l-President Amerikan Donald Trump għamilha ċara li r-reġim fi Pyongyang għandu jiffaċċja l-konsegwenzi għall-azzjonijiet provokattivi tiegħu.
L-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, Nikki Haley, ftit tal-ħin ilu qalet li għandha titressaq riżoluzzjoni ġdida kontra Pyongyang fin-Nazzjonijiet Uniti. Hi tkellmet dwar l-aħħar prova tal-Korea ta’ Fuq u qalet li din serviet biex teskala l-aspett militari f’zona perikoluża u waqt sitwazzjoni li saret dejjem aktar imprevedibbli. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti qed thedded lill-Korea ta’ Fuq b’aktar restrizzjonijiet ta’ kummerċ.
Ftit wara d-diskors ta’ Haley, il-qawwiet tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel sparaw numru ta’ missili fil-Baħar tal-Ġappun waqt numru ta’ eżerċizzji militari konġunti li għaddejjin bħalissa.
Min-naħa tagħha, il-Korea ta’ Fuq qed tgħid li mhix lesta biex tinnegozja dment li l-Istati Uniti ma twarrabx mill-politika attwali fil-konfront tagħha u li l-istess kelliema fi Pyongyang qegħdin ifissruha bħala ‘waħda ostili’.
Fl-istess ħin, iċ-Ċina u r-Russja, li għandhom influwenza partikulari fin-Nazzjonijiet Uniti, qegħdin jopponu l-użu tal-forza militari fil-konfront tal-Korea komunista.
//= $special ?>