Lokali Qorti

Ordnati jħallsu €6,555.31 kumpens għal ħsara ikkawżata mix-xita

Sidien barranin ta’ palazz fi Triq San Pawl fil-Belt Valletta kienu ordnati jħallsu €6,555.31 kumpens lil sid ta ħanut wara li dħul tal-ilma tax-xita għamel ħsara konsiderevoli fil-ħanut ta’ taħt il-palazz u l-merkanzija li kien hemm maħżuna fih.

Il-każ imur lura għat-30 ta’ Novembru 2013 meta sid il-ħanut J.A. Vella Households, Anna Maria Vella intebħet li kien dieħel l-ilma mis-saqaf li kkawża ħsarat kemm fis-sistema tal-elettriku kif ukoll fuq il-merkanzija li kienet maħżuna fuq in-naħa ta’ wara tal-ħanut.

Dakinhar u fil-jiem ta’ qabel, kienet għamlet ħafna xita, li daħlet mill-palazz propjeta’ ta’ Benjamin Max Phillip Kullman u Daniel Klein. Malli rat dan, Vella ikkuntattjat lil Bernard Manduca, li jieħu ħsieb il-post li ma kienx abitabbli u fil-pront kiteb lill-propjetarji sabiex jgħarrafhom bil-problema.

Hu kien informahom li l-ilma tax-xita qed jidħol mis-soqfa tal-palazz minn żewġ postijiet differenti. Min-naħa tagħhom, il-propjetarji kienu qed jikkontestaw il-valur tal-merkanzija li kienet rovinata mill-ilmijiet.

L-espert tekniku mqabbad mill-Qorti ikkonferma il-ħsara li saret fil-merkanzija, li kienet tikkonsisti fil-biċċa l-kbira tagħhom, f’oġġetti differenti tad-dar magħmula mill-metall li kienu esposti għas-sadid.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, żammet lill-propjetarji tal-palazz responsabbli għall-ħsarat li sofriet Vella u ordna li jħallsu €6,555.31 f’kumpens.

L-Avukat Peter Caruana Galizia deher bħala kuratur għall-assenti Kullman u Klein.