Lokali Qorti

Priġunerija u multi wara li ammettew li biegħu droga lil żgħażagħ

Żewġt irġiel kienu ikkundannati 15-il xahar ħabs bejniethom wara li ammettew li biegħu droga lil żgħażagħ f’Għawdex. Il-każ imur lura għal Awwissu tal-2008.

Josef Cefai ta’ 28 sena miż-Żebbuġ kien ikkundannat għal disa’ xhur ħabs u mmultat €1,500 wara li ammetta li kellu fil-pussess tiegħu id-droga ecstasy u li biegħ l-istess droga.

It-tieni raġel, li ismu ma jistax jixxandar għaliex kien minorenni meta wettaq ir-reat, kien ikkundannat għal sitt xhur ħabs u mmultat €1,000. Minbarra li ammetta pussess u bejgħ ta’ droga, ir-raġel ammetta wkoll li kellu arma fil-pussess tiegħu kif ukoll pussess ta’ tajr protett u li ħa sehem f’kaċċa illegali.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, innutat l-ammissjoni fi stadju bikri tal-akkużati, it-tul ta’ żmien minn meta seħħ il-każ u l-fatt li t-tnejn li huma qed jgħixu ħajja stabbli u ħielsa mill-vizzju tad-droga.

Barraminhekk, il-każi relatati mal-pussess tat-tajr u l-kaċċa illegali seħħew qabel kien hemm il-bidla fir-regolamenti.

Il-Maġistrat Mifsud ikkummenta li l-piena mhux mezz ta’ tpattija iżda hi intiża li ssaħħaħ it-tessut tas-soċjeta’, tipproteġi lill-istess soċjeta’ u tgħin biex il-ħatja jirriformaw ruħhom.