Ambjent Lokali

Is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali jrid jiġi investigat – il-Partit Demokratiku

Hemm bżonn li s-Sovratindenza tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tħares l-identità u l-patrimonju nazzjonali - PD

Il-Partit Demokratiku (PD) talab li s-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali Anthony Pace biex jiġi investigat minħabba li skont il-PD qagħad kwiet quddiem l-abbuż u l-attakk f’dawn l-aħħar snin li kien hemm fuq l-identità Maltija. Fi stqarrija, il-PD qal li taħt it-tmexxija tiegħu, l-uffiċċju ta’ Anthony Pace ħalla lill-Awtorità tal-Ippjanar tapprova numru ta’ applikazzjonijiet li qerdu l-identità ta’ Malta u l-wirt storiku tagħha.

Il-Partit għamel enfasi fuq għadd ta’ eżempji fosthom l-iżvilupp f’Ta Kerċem li kien ta’ theddida għall-katakombi Rumani fuq il-gżira t’Għawdex.

Intqal li s-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali abbanduna diversi każi oħra fosthom id-djar vernakulari fiż-Żebbuġ, il-kunventi f’Tas-Sliema, u l-forn Blackley f’Tal-Pietà.

Il-PD tenna li lanqas kien hemm pożizzjoni kontra l-iżvilupp li jista’ jseħħ fil-Mosta f’sit arkeoloġiku tal-Wesgħa tal-Ġganti. Il-Partit Demokratiku qal li rriżultat ta’ din l-applikazzjoni se jsir nhar it-Tnejn 10 ta’ Lulju, hawn il-Partit ipoġġi r-reputazzjoni ta’ Pace fuq din id-deċizzjoni partikolarment fuq il-fjask tal-Katakombi Rumani.