Turisti fix-Xlendi qegħdin iwaqqfu ħesrem il-vaganzi tagħhom minħabba l-istorbju marbut ma’ xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għaddejjin, skont l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA).
Fi stqarrija, il-GTA qalet li minkejja avviż biex ma jsirx skavar u twaqqiegħ f’siti ta’ kostruzzjoni f’ċertu żoni fis-Sajf, jidher li fix-Xlendi għadu qed isir xi xogħol. Jirriżulta li minkejja li saru numru ta’ rapporti mal-awtoritajiet kompetenti, ix-xogħlijiet baqgħu għaddejjin.
L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu qalet li dan qed iwassal għal numru ta’ ilmenti mill-membri tagħha, fosthom ilmenti minħabba l-fatt li turisti qabdu u waqqfu l-vaganzi tagħhom ħesrem minħabba l-istorbju.
L-Assoċjazzjoni temmet tappella lill-Awtoritajiet biex jinfurzaw l-avviż maħruġ u li jirregola x’tip ta’ xogħlijiet jistgħu jsiru f’ċertu żoni turistiċi fis-Sajf.
//= $special ?>