Lokali Turiżmu

Turisti fix-Xlendi jwaqqfu l-vaganzi ħesrem minħabba kostruzzjoni – il-GTA

Il-GTA tgħid li minkejja avviż biex ma jsirx skavar u twaqqiegħ f'siti ta' kostruzzjoni f'ċertu żoni fis-Sajf, hemm xogħlijiet li għadhom għaddejjin

Turisti fix-Xlendi qegħdin iwaqqfu ħesrem il-vaganzi tagħhom minħabba l-istorbju marbut ma’ xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għaddejjin, skont l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA).

Fi stqarrija, il-GTA qalet li minkejja avviż biex ma jsirx skavar u twaqqiegħ f’siti ta’ kostruzzjoni f’ċertu żoni fis-Sajf, jidher li fix-Xlendi għadu qed isir xi xogħol. Jirriżulta li minkejja li saru numru ta’ rapporti mal-awtoritajiet kompetenti, ix-xogħlijiet baqgħu għaddejjin.

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu qalet li dan qed iwassal għal numru ta’ ilmenti mill-membri tagħha, fosthom ilmenti minħabba l-fatt li turisti qabdu u waqqfu l-vaganzi tagħhom ħesrem minħabba l-istorbju.

L-Assoċjazzjoni temmet tappella lill-Awtoritajiet biex jinfurzaw l-avviż maħruġ u li jirregola x’tip ta’ xogħlijiet jistgħu jsiru f’ċertu żoni turistiċi fis-Sajf.