Grupp ta’ Serbi, partitarji tal-klabb tal-futbol Red Star Belgrade, qajmu ġlieda kbira fl-istabbiliment Munchies, li jinsab biswit il-Bajja tal-Għadira, fil-Mellieħa.
Net News jinsab infurmat li fil-post issejħu mill-inqas erba’ vetturi b’uffiċjali tal-Pulizija u saru wkoll xi arresti. Sadattant, minħaba dak li nqala’, l-istabbiliment tal-ikel kellu jingħalaq, Iżda nfetaħ mill-ġdid ftit tal-ħin wara hekk kif is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.
Il-partitarji Serbi jinsabu f’pajjiżna hekk kfi illejla Red Star Belgrade jiltaqgħu kontra Floriana f’logħba mill-Europa League li tintlagħab fit-20.30.
Dan il-każ isegwi każ ieħor li seħħ ilbieraħ wara nofsinhar, meta grupp ta’ madwar 30 persuna bdew iduru madwar San Pawl il-Baħar, jivvandalizzaw il-propretajiet tar-residenti li meta waqqfuhom irċivew abbuż verbali u kienu ndirizzati minn mossi oxxeni.
Wara l-istorja fuq Net News kif ukoll rapporti mir-residenti, is-Serbi dehru jkunu segwiti bi skorta tal-Pulizija b’rondi li baqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl.