Futbol Sport

Andrea Conti uffiċjalment plejer ta’ Milan

Andrea Conti sar is-seba' akkwist ta' Milan

Milan komplew ikunu attivi fis-suq tat-trasferimenti hekk kif aċċertaw uffiċjalment l-akkwist ta’ Andrea Conti. Il-plejer fil-preżenza tal-amministratur delegat Marco Fassone u d-direttur sportiv Massimiliano Mirabelli, iffirma kuntratt sat-30 ta’ Ġunju tal-2022.

Conti se jkun qed isaħħaħ id-difiża fuq in-naħa leminija speċjalment fil-fażi offensiva. L-istaġun li għadda t-Taljan kellu staġun eċċellenti ma’ Atalanta bi prestazzjonijiet ta’ livell fejn saħansitra skorja 8 gowls minn 33 logħba, numri pożittivi għal difensur.

Andrea Conti li tela’ mill-akkademja ta’ Atalanta, lagħab ma’ Perugia fil-Lega Pro ta’ 19-il sena u kiseb il-promozzjoni għas-Serie B. Is-sena ta’ wara Conti lagħab ma’ Lanciano u fis-sajf tal-2015 irritorna ma’ Atalanta biex għamel id-debutt fis-6 ta’ Jannar tal-2016.

Conti lagħab ukoll mat-tim nazzjonali filwaqt li fl-aħħar ġimgħa kien parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena li kkompeta fil-Kampjonat Ewropew fil-Polonja.