Internazzjonali

Ġlied f’Hamburg waqt is-summit G20

76 uffiċjali tal-pulizija ndarbu waqt ġlieda ma’ dimostranti f’Hamburg, il-Ġermanja, fejn fetaħ is-summit G20. Kien irraportat ukoll li xi dimostranti ġew feruti. Il-ġlied beda waqt protesta bl-isem ta’ “Welcome to hell” li attendew għalih madwar 12,000 persuna.

Mexxejja fosthom il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, ser jiddiskutu l-bidla fil-klima, il-kummerċ u kwistjonijiet oħra. Il-pulizija użaw kanuni tal-ilma u sprej jaħraq fuq il-protestanti li bdew iwaddbu fliexken, ġebel u flares.

Qabel ma bdiet il-protesta, il-pulizija kienet qed tistenna li jkun hemm il-vjolenza. Madwar 20,000 pulizija ġew stazzjonati f’Hamburg għas-summit hekk kif il-Ġimgħa u s-Sibt huwa mistenni li jkun hemm mal-100,000 protestanti.