Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni b’emendi fil-liġi dwar żwieġ bejn persuni tal-istess sess: il-Gvern jaqbel magħhom

Hekk kif kompla jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari li qed jiddiskuti l-liġi dwar iż-żwieġ ta’ bejn persuni tal-istess sess, il-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jaċċetta numru ta’ proposti tal-Oppożizzjoni, b’mod partikolari dawk marbutin mad-drittijiet tat-tfal. Fost l-oħrajn, il-Gvern kellu jikteb mill-ġdid klawżola 35 dwar il-proċedura biex konjuġi jistgħu jibdew proċeduri fil-Qorti biex l-ulied ma jibqgħux fuq isimhom.

Fil-fatt, il-Gvern ried ibiddel din il-liġi, iżda l-Oppożizzjoni rnexxielha tikkonvinċieh li l-liġi kif kienet oriġinarjament, kienet tajba. U b’hekk, ġenitur jista’ jġib prova ta’ adulterju jew ta’ impotenza jew li ma kienux qed jgħixu flimkien anke minħabba separazzjoni tal-koppja bħala prova biżżejjed li t-tarbija ma tkunx tiegħu.

Sadanittant, meta l-Oppożizzjoni kompliet tippreżenta l-emendi tagħha biex jerġgħu jiddaħħlu l-kliem omm, missier, raġel u mara, l-Gvern baqa’ jwebbes rasu u jirrifjutahom. Fil-fatt, kien f’dan l-istadju li l-Ministru Helena Dalli bdiet tiddikjara li f’din il-liġi ma tridx għażla. “Hawn mhux supermarket, l-għażla qegħda fis-supermarket,” qalet Helea Dalli.

Bħas-seduta tal-Ħamis, l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mill-Viċi Kap Mario de Marco, u mid-Deputati David Agius, Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.

Il-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Helena Dalli u d-Deputati Edward Zammit Lewis u Robert Abela. Il-Kumitat tmexxa mid-Deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi. Il-Kumitat Parlamentari issa jiltaqa’ nhar it-Tnejn li ġej meta se jkompli jiddiskuti iktar klawsoli.