Lokali Qorti

14-il sena ħabs wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ qtil tat-tarbija tas-sieħba tiegħu

Rotimi Williams Akande, Niġerjan ta’ 27 sena, kien ikkundannat għal 14-il sena ħabs wara li nstab ħati tal-attentat ta’ qtil tat-tarbija tas-sieħba tiegħu,

Is-sentenza ingħatat tard ilbieraħ filgħaxija mill-Imħallef Antonio Mizzi hekk kif il-ġurati sabuh ħati ta’ dan ir-reat bi tmien voti kontra waħda wara diversi siegħat ta’ deliberazzjoni.

Il-każ li tiegħu instab ħati Akande imur lura għall-15 ta’ April 2013 meta dakinhar hu pprova joqtol lit-tfajjel Maleek Olowoshile – li kellu biss sena u tliet xhur – billi heżżu meta kien waħdu mat-tarbija fl-appartament fil-Mellieħa fejn kien jgħix mas-sieħba Abiola Olowishile.

It-tifel, li llum għandu ħames snin, sofra ġrieħi gravi u permanenti f’moħħu tant li llum jgħix fid-Dar tal-Providenza.

Akande kien wasal Malta fil-bidu tal-2013 u ngħata permess ta’ residenza sabiex jilgħab il-futbol mal-klabb Għawdxi S.K. Victoria Wanderers. F’dan iż-żmien, hu kien iltaqa’ ma’ mara Niġerjana, Abiola Olowoshile u bdiet relazzjoni bejniethom tant li fi Frar tal-2013, hi telqet lis-sieħeb li kellha li hu missier it-tfajjel Maleek, u marret tgħix mal-akkużat fil-Mellieħa.

Akande għandu żewġt itfal minn omm it-tifel iżda llum m’għadhomx flimkien.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Justine Cilia u Elaine Mercieca mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li  Akande kien assistit mill-Avukat Joe Ellis.